Manuel Delia kien qed jikteb id-diskorsi ta' Adrian Delia, fit-tiġrija għal Kap tal-PN

Żvolta interessanti hekk kif Pierre Portelli jiżvela fil-Qorti illi Manuel Delia kien qed jikteb id-diskorsi tal-Kap tal-PN fil-kampanja għal Kap tal-PN ġdid...

Fil-Qorti dalgħodu ċ-Chairperson tal-midja Nazzjonalista Pierre Portelli sostna illi Manuel Delia kien qed jikteb id-diskorsi ta' Adrian Delia, waqt il-kampanja għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. 

Portelli kien qed jixhed fil-każ li Manuel Delia fetaħ kontra l-editur ta' MediaLink, Robert Cremona. 

Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, Portelli spjega kif sar jaf bid-dritt għat-tweġiba ta' Manuel Delia wara storja fuq Net News li fiha ntqal li l-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista kien ivvota favur liġi li tippermetti l-kultivazzjoni tal-kannabis f’Malta u dan meta ma kienx minnu.

Manuel Delia kien kiteb blog li fih saħaq li hu kien irrapporta biss li Adrian Delia qata’ fil-qasir dibattitu dwar din il-liġi u falla milli jiddikjara l-interess tal-familja ta’ martu u anke ta’ persuna qrib tiegħu f’dan is-settur.

Fix-xhieda tiegħu, Portelli spjega kif hu kien ta struzzjonijiet lill-ħaddiema tiegħu biex ma jippubblikawx it-Tweġiba ta’ Manuel Delia.

“Din kienet Dritt ta’ Tweġiba għal dritt ta’ tweġiba. Jiena mgħarraf ukoll li Manuel Delia kien qed jikteb dwar Adrian Delia u l-legalizzazzjoni tal-kannabis minħabba rabta familjari,” kompla Portelli.

Kompla jgħid li ilu snin twal jaf lil Manuel Delia. “Offrejtlu xogħol meta kien editur iżda ried id-doppju tal-flus li kont qed noffrilu,” saħaq Portelli.

Qal ukoll li fis-sajf tal-2017, waqt il-kampanja għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, meta Adrian Delia tefa’ n-nomina tiegħu kont intlabt biex nagħti l-għajnuna.

“Konnha qbilna li Manuel Delia jikteb l-artikli kollha f’isem Adrian Delia bejn Awwissu u Settembru. F’Settembru, wara li Delia rebaħ, Manuel kitibli biex jitlobni l-ħlas,” kompla Portelli.

Portelli kompla jispjega kif Manuel Delia kien semma wkoll “klijenti oħra.” Fi kliemu dan qajjem suspsett ta' kunflitt ta' interess.

“Meta sirt naf li kellu klijenti oħra u għalhekk ma kienx magħruf jekk kienx qed jikteb għalihom ukoll u min huma, ħassejt li jkun ġust li ma nippermettilux dritt għal tweġiba minn dritt għal tweġiba,” temm jgħid Portelli.

Il-każ ikompli fl-20 ta’ Frar.

More in Politika