'Ħamalli, prostituti u qħab'...Leone Ganado jgħid li l-kumment dwar Cutajar kien 'fair comment'

Rosianne Cutajar kienet fetħet żewġ libelli wara kummenti li kienu nkitbu fuq Facebook fil-konfront tagħha

Hekk kif komplew il-libelli miftuħ mid-Deputata Laburista Rosianne Cutajar, b’rabta ma’ dak li hi ddeskrivit bħala tgħajjir malafamanti u personali fuq Facebook, Godfrey Leone Ganado, permezz tal-avukat tiegħu, insista li l-post mhuwiex malafamanti u għandu jkun ikkunsidrat bħala ‘fair comment.’

Waqt li xerred artiklu ta’ Daphne Caruana Galizia fuq Cutajar, Leone Ganado kien kiteb: "However, Ħamalli, prostitutes and call girls, have the right to be represented in Parliament.”

Fit-tweġiba bil-miktub, Leone Ganado jisħaq li filwaqt li l-kelma “ħamalli” tista’ titqies bħala pregorattiva imma żgur mhux malafamanti u għalhekk qed jitlob biex it-talbiet ta’ Rosianne Cutajar jiġu miċħuda.

Min-naħa tagħha, Rachel Antoinette Williams, qed tinsisti li l-post li għalih qed  tagħmel referenza Rosianne Cutajar, li fih tiġi deskritta bħala “qaħba f’xalata,” fost oħrajn, ma nkitbitx minnha u lanqas irreaġixxiet għaliha.

“Ir-rikorrent (Cutajar) donnha qed tippretendi li kull min għandu ‘wall’ fuq Facebook għandu jinżamm responsabbli għal kull ħaġa li tiġi ‘posted’ bħala kumment fuq l-istess ‘wall,” twieġeb Williams.

Tisħaq ukoll li ma setgħetx tħassar dan il-post kien talbet li għandu jsir Cutajar.

Min-naħa tagħha, Rosianne Cutajar kienet saħqet li b’dawn il-libelli trid tibgħat messaġġ li l-ebda mara, lanqas min hu fil-politika, m’għandha taċċetta dan id-diskors li huwa attakk fuq id-dinjità tagħha

“Kont instigata nagħmel dawn il-libelli mill-fatt li fl-aħħar jiem donnu kien hawn min ried jiġġustifika diskors malafamanti, bħal tgħajjir ta’ qaħba u qaħba f’xalata, fost kliem oħrajn u insinwazzjonijiet. Filwaqt li ngħożż il-libertà tal-kelma nemmen li rridu nibagħtu messaġġ favur dibattitu iktar dinjituż,” kienet saħqet Cutajar.

More in Politika