Tħallix it-tank qoxqox...wara s-6pm mhux se ssib minn fejn tagħti l-fjuwil

Il-pompi tal-petrol se jkunu qed jagħtu l-petrol biss fil-ħinijiet tal-ftuħ iżda wara s-6pm is-servizz awtomatiku mhux se jkun disponibbli

Jekk int wieħed jew waħda minn dawk li tħallu l-bozza tal-petrol tixgħel qabel tagħti l-petrol, din id-darba aħjar taħsiblu hekk kif mil-lejla, wara s-6pm, mhux se ssib minn fejn timla’ l-karozza.

Ilbieraħ, waqt laqgħa tal-GRTU, l-operaturi tal-pompi tal-petrol qablu li joffru biss is-servizz fil-ħinijiet li jkunu miftuħa u kif jagħlqu, is-servizz awtomatiku mhux se jkun disponibbli.

Il-GRTU, flimkien mal-operaturi, qablu dwar din l-azzjoni hekk kif taħdidiet mal-Gvern dwar għajnuna finanzjarja li jeħtieġu s-sidien tal-pompi, ma ħallew l-ebda frott.

Fil-fatt, il-GRTU ħabbret li dawn il-miżuri se jibqgħu fis-seħħ sakemm jintlaħaq ftehim.

Il-kwistjoni hija dwar €21 miljun li huma meħtieġa biex il-pompi tal-petrol f’Malta u Għawdex jkunu jistgħu jkunu konformi mad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea għall-2020.

Minn studji li wettqet il-GRTU fl-2014, jirriżulta li 80 minn 90 pompa tal-petrol għandhom bżonn ibiddlu t-tagħmir kollha tagħhom, inkluż il-tankijiet tal-ħażna, biex ikunu konformi mad-Direttiva.

Il-GRTU qed titlob lill-Gvern biex jagħti l-appoġġ tiegħu lis-sidien, bit-taħdidiet dwar dan ilhom għaddejja mill-2014.

Intant, fi stqarrija maħruġa l-ġimgħa li għaddiet, il-Gvern qal li fl-2011, l-Awtorità għar-Riżorsi, ippermettiet żieda fil-profitti mill-bejgħ tal-fjuwil sakemm is-sidien jinvestu fil-pompi tagħhom.

Il-Gvern qal li ma jistax jaċċetta l-proposti tal-GRTU għax dawn ifissru żieda fil-prezz tal-fjuwil li jaqbeż il-prezz internazzjonali.

Is-sidien qablu wkoll li ma jħallsux il-ħlas tal-liċenzji tal-pompi tal-petrol lir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma.

More in Politika