'Neville Gafà pprova jħallas biex Libjani ma jixhdux kontrih'

Ikompli jinstema' l-libell miftuħ minn Neville Gafa dwar l-allegat każ ta’ tixħim għall-ħruġ tal-visas mediċi

Neville Gafà
Neville Gafà

Fil-Qorti nstema’ kif diversi Libjani kienu lesti biex jixhdu kontra l-uffiċjal fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Neville Gafà dwar l-allegat każ ta’ tixħim għall-ħruġ tal-visas mediċi, iżda rċevew theddid biex ma jagħmlux dan.

Kien Ivan Grech Mintoff li qal dan hekk kif kompla jinstema l-libell, miftuħ mill-istess Gafà, konta David Lindsay bħala editur ta’ The Malta Independent on Sund

Din kienet it-tieni darba li Grech Mintoff għamel dawn l-allegazzjonijiet, għalkemm din darba taħt ġurament. Ara x'kien irraporta dan is-sit dakinhar li saru l-allegazzjonijiet fuq il-programm li l-istess Grech Mintoff imexxi.

Grech Mintoff qal li huwa jaf diversi Libjani li tpoġġew taħt pressjoni biex ma jixhdux konta l-istess Gafà.

Huwa allega li Gafà saħanistra pprova jħallashom biex dawn ma jagħtux ix-xhieda tagħhom dwar kif Gafà, allegatament talabhom il-flus biex joħroġilhom visas mediċi illi li kieku kienu jingħatawlhom b’xejn.

Grech Mintoff qal li saħansitra għandu ritratti ta’ Gafà fl-aħħar żjara tiegħu fil-Libja biex allegatament iħallas lil dawn il-persuni.

Gafà kien uffiċjal pubbliku tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi qabel tkeċċa mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne wara li sar magħruf li ppoża bħala l-mibgħut speċjali tal-Prim Ministru meta ltaqa’ ma’ uffiċjali għolja tal-Gvern Libjan.

Grech Mintoff spjega li b’kollox jaf 13-il Libjan li huma lesti jagħtu x-xhieda tagħhom iżda ma jafdawx lill-pulizija Maltija u għalhekk lesti biss jagħtu x-xhieda tagħhom direttament.

Huwa għamilha ċara li kienu huma li kkuntatjawh u mhux hu. Insista li kellimhom fuq it-telefown u rrekordja l-konverzazzjoni bil-permess tagħhom.

Grech Mintoff qal li dawn il-persuni ħarġu stqarrijiet formali permezz ta’ affidavits u li taw ukoll id-dettalji personali tagħhom. Huwa qal li teżisti traduzzjoni bl-Ingliż ta’ dawn l-istqarrijiet.

Il-Maġistrat Francesco Depasquale ordnalu biex jippreżenta dawn it-traduzzjonijiet mogħtija minn dawn il-Libjani u jiċċertifika wkoll li dawn huma veritiera.

Grech Mintoff informa wkoll lill-Maġistrat li l-Libjani lesti jixhdu permezz ta’ Skype.

Il-Maġistrat saħaq li dan jista’ jseħħ fis-seduta li jmiss iżda insista li jekk le se jkollu jmexxi 'l quddiem.

Il-każ ikompli f’Marzu.

More in Politika