'Nippreferu noqtlu lilna nfusna milli mmorru lura l-Libja'; Aktar immigranti jistennew port

Madwar 100 immigrant ieħor ġew salvati minn bastiment tal-merkanzija li ngħata struzzjoni biex jeħodhom lura l-Libja

Il-bastiment Sea-Watch 3 ilu jumejn jistenna li jingħata port biex iniżżel għadd ta’ immigranti li salva u dan filwaqt li bastiment privat tal-merkanzija salva aktar immigranti hekk kif instabu fuq dgħajsa żgħira li kienet qed timtela’ bl-ilma.

Skont l-NGO Sea Watch, l-ekwipaġġ abbord is-Sea Watch 3, ikkuntatja kemm lill-awtoritajiet Taljani, Maltin, Libjani u Olandiżi jistaqsi fejn se jniżżel s-47 immigrant li għandu abbord. Sa issa l-ekwipaġġ għadu bla tweġiba anke jekk, skont l-NGO, l-awtoritajiet Malta kkonfermaw li se jerġgħu jagħmlu kuntatt magħhom.

Jidher iżda, skont dak ippubblikat minn Sea Watch fuq Twitter, li l-bastiment tal-merkanzija, li salva madwar 100 immigrant, irċieva struzzjonjiet biex jieħdu l-immigranti lura l-Libja. Saħqet li dan imur kontra l-liġijiet internazzjonali.

L-NGO kompliet tgħid li meta ndunaw li se jittieħdu l-Libja, żewġ immigranti abbord il-bastiment tal-merkanzija għamlu kuntatt magħha u qalulha li jippreferu jolqtu lilhom infushom milli jirritornaw f’pajjiżhom.

More in Politika