Mit-tradiment sal-kostituzzjoni: ġlied intern fil-partiti (1)

Bħalissa ħafna attenzjoni tinsab fuq Adrian Delia u l-Partit Nazzjonalista. Imma dak li qed jiġri fil-PN l-ewwel darba li qed jiġri? L-ILLUM tagħti ħarsa lejn l-akbar ġlidiet interni fil-PL u l-PN mill-Indipendenza ’l hawn...

Bħalissa għajnejn dawk li jsegwu x-xena politika lokali hija fuq il-Partit Nazzjonalista u l-ġlied intern li għaddej fl-istess partit. Stejjer ta’ intriċċi u ġlied intern, stejjer ta’ tradiment u attentati biex jitneħħa l-kap jew jinqasam il-partit. Imma forsi fil-vena tal-preżent ħafna jinsew illi dak li qed jiġri fil-Partit Nazzjonalista llum ġara matul is-snin fl-istess PN u ġara wkoll fil-Partit Laburista, bl-istess intensità, korla u drammatiċità.

Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn l-aktar mumenti politikament storiċi illi matulhom kien hemm ċaqlieq seżmiku fil-partiti. Il-mumenti meta kien hemm sfida diretta fil-konfront ta’ Kap ta’ partit minn grupp ta’ nies jew individwi fl-istess grupp li jmexxi.  

Illum, fl-ewwel parti tal-ħarsa lura se nfakkru fil-waqa’ tal-Gvern Laburista fl-1998 wara li l-eks PM Laburista u ‘salvatur’ għal ħafna Laburisti Dom Mintoff ħadha kontra l-eks PM Laburisa Alfred Sant. Se nagħtu ħarsa wkoll lejn kif Ġorġ Borg Olivier kellu ribelljoni u tneħħa “bil-pulit” minn Kap tal-Partit Nazzjonalista biex minfloku kien elett Eddie Fenech Adami.

L-1998 - Gvern Laburista ġdid jitwaqqa’ mis-salvatur tal-Laburisti

Is-sajf tal-1998 kien wieħed jaħraq. Sajf illi matulu l-Gvern li kien imexxi Alfred Sant iffaċja waħda mill-agħar kriżijiet interni li qatt għadda minnhom il-Partit Laburista fl-aħħar 20 sena.

Sant kien beda numru ta’ proġetti biex tkun riġenerata l-Kottonera u fost dawn il-proġetti kien hemm dak tal-Waterfront tal-Birgu, il-moll tal-Birgu. Kien dan li prima facie waqqa’ lill-Gvern hekk kif Mintoff m’aċċettax li l-art pubblika tingħata lill-privat bħala parti minn dan il-proġett.

Imma din kienet biss parti żgħira tal-kwistjoni kollha li tmur lura għall-1996 meta dakinhar Mintoff kien ħareġ bħala kandidat fuq it-Tieni Distrett li jinkorpora l-Kottonera u kien qal illi għamel dan b’numru ta’ kundizzjonijiet.

Mintoff kien sinonimu mal-Kottonera hekk kif kien ukoll popolari f’dan id-distrett illi fih twieled, ħadem u llum huwa mfakkar permezz ta’ monument fi Pjazza Paolino Vassallo.

Imma fid-disgħinijiet dan il-politiku kien sar it-‘traditur’ u l-‘Ġuda’ għal ħafna Laburisti, inkluż għall-Prim Ministru tal-lum Joseph Muscat li kien qal illi l-Malta Labour Party (MLP) ma kienx se jafda lil min lagħab il-logħba ta’ ħaddieħor. Kien qed jimplika għan-narrattiva Laburista dak iż-żmien popolari u kredibbli li kien hemm laqgħat bejn Mintoff u l-Partit Nazzjonalista, speċifikimanent l-eks Viċi Kap tal-PN Guido De Marco, biex Mintoff iwaqqa’ l-Gvern.

Il-Partit Laburista u l-Gvern għaddew minn prattikament sena ta’ ġlied intern, tgħajjir u eventwlament telfa kbira li reġgħet tefgħatu fl-oppożizzjoni bla mistenni.

Jitħabbar il-Baġit u jibda l-inkwiet

Il-Gvern Laburista ressaq it-tieni Baġit tiegħu, li fih kien ħabbar numru ta’ miżuri li ma niżlu xejn tajjeb mal-poplu. L-inqas popolari kienet żieda fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, dakinhar biex tibda tissolva problema ta’ dejn fil-korporazzjoni Enemalta li kif nafu kibret u kompliet tiggrava sal-2013.

Nhar is-7 ta’ Novembru wasal l-ewwel stallett Mintoffjan hekk kif dan astjena fuq vot finanzjarju dwar il-Baġit. Jekk Gvern jitlef vot dwar il-baġit awtomatikament ikun ingħata vot ta’ sfiduċja.  Dakinhar kienet l-Ispeaker Miriam Spiteri Debono li ‘salvat’ lill-Gvern bil-casting vote.

Il-Gvern Laburista kellu maġġoranza ta’ siġġu wieħed biss u allura dak ta’ Mintoff kellu sinifikat qawwi u eventwalment detrimentali.

Fit-18 ta’ Novermbru Mintoff jerġa’ jastjeni f’żewġ voti ta’ żewġ Ministeri oħrajn. Għal darb’oħra l-Gvern isalva grazzi għal Spiteri Debono.

Fid-dawl ta’ dan l-affront qawwi intern mill-akbar ġgant politiku Laburista sa dak iż-żmien, Sant mar għand id-delegati u talab vot ta’ fiduċja li rebaħ b’99.3%.

Sussegwentement Mintoff għamel diskors twil fil-Parlament, bil-pajjiż kollu mwaħħal mar-radjijiet jisma’ d-diskors ta’ Mintoff. Kien diskors qawwi ħafna u li fih attakka mhux darba lil Sant, il-Baġit li kien ressaq, il-valuri li kien iħaddan l-MLP taħt Sant u l-vot ta’ fiduċja li kien ressaq l-istess Mexxej Laburista quddiem id-delegati.

L-ilma baqa’ jbaqabaq biex f’Marzu 1998, il-Gvern ma rebaħx vot ta’ fiduċja li ressaq il-Kap tal-Oppożizzjoni Eddie Fenech Adami u l-Partit Nazzjonalista. Id-dibattitu kien jiċċentra l-aktar mas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea hekk kif il-Gvern Laburista kien, skont il-programm elettorali tiegħu, waqqaf l-applikazzjoni ta’ Malta biex issir membru tal-Unjoni Ewropea.

Il-moll tal-Birgu...iċ-ċirasa fuq il-kejk!

L-affarijiet fil-Partit Laburista komplew jiħraxu sew hekk kif il-Gvern ressaq mozzjoni illi permezz tagħha ta b’ċens l-mollijiet, bini u dritt ta’ irmiġġ fil-Birgu lill-Port Kottonera Ltd, il-kumpanija magħżula biex tmexxi u twettaq il-proġett tal-Kottonera.

Mintoff kien oġġezzjona għall-mod kif kien sar il-kuntratt u kif se jkun limitat l-użu tal-post mil-pubbliku. Hu kien ukoll qajjem b’saħħa l-każ tal-għoti tal-Forti Sant’Anġlu lill-Ordni tal-Kavallieri, għal dak il-famuż falkun.

Sussegwentement Mintoff reġa’ vvota kontra l-mozzjoni u allura kontra l-Gvern bil-konsegwenza li din l-art ma setgħetx tgħaddi għand il-privat u l-proġett ma setax jibda.

‘Traditur u Ġuda’

Minn hemmhekk l-affarijiet iggravaw hekk kif l-għada tal-vot dwar il-mozzjoni, Sant niżel il-Birgu fejn konferenza tal-aħbarijiet inbidlet f’mass meeting żgħir, fuq il-moll. Hemmhekk Sant tilef il-kalma u l-‘cool and relax’ li tant kien ħeġġeġ lin-nies iżommu u għajjar lil Mintoff ‘traditur’ filwaqt li talbu biex jirreżenja.

Ħamest ijiem wara Sant reġa’ mar il-Kottonera u għal darb’oħra, b’mod simboliku, fil-Pjazza Gavino Gulia f’Bormla, talab lil Mintoff biex jirreżenja.

L-għada, nhar l-14 ta’ Ġunju 1998, Sant kien rabat il-mozzjoni dwar il-proġett tal-Kottonera ma’ vot ta’ fiduċja, xi ħaġa li Mintoff appella biex ma ssirx għax hu baqa’ jsostni li ma jridx iwaqqa’ lill-Gvern jew ineħħi lil Sant. Iżda Sant kien determinat li jew ikompli jew imur għall-ġudizzju tal-poplu mill-ġdid.

Mintoff kien saħansitra mar fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, li kien għadu kemm twaqqaf, biex f’intervista ma’ Pierre Portelli spjega kif hu kien kontra l-proġett tal-Kottonera.

Konferenza Ġenerali taħraq...firda fl-MLP

Kollox beda jilħaq il-qofol tiegħu f’Konferenza Ġenerali tal-MLP illi fiha Sant kien iddikjara gwerra kontra l-PN f’diskors jaħraq filwaqt li l-eks Ministru tat-Trasport Joe Debono Grech kien għamel diskors ieħor qawwi ħafna kontra Mintoff.

Folla ta’ Laburisti kienu stennew barra l-Parlament, fi Pjazza San Ġorġ u laqgħu lil Mintoff, sa snin qabel meqjus bħala ‘salvatur’, bit-tgħajjir ta’ ‘traditur’ u ‘Ġuda’.

Jingħad li Debono Grech kien saħansitra prova jħebb għal Mintoff fil-Parlament.

Fl-10 ta’ Lulju maġġoranza qawwija ta’ Delegati kienu vvotaw skont ix-xewqa ta’ Sant biex tissejjaħ elezzjoni. L-eks Deputat Mexxej tal-MLP George Abela, irreżenja għax ma qabilx li l-partit imur għal elezzjoni.

Il-Partit Laburista, b’total ta’ 124,220 vot tilef l-elezzjoni b’distakk ta’ 12,800 vot.

Wara l-elezzjoni ġenerali l-inkwiet fil-Partit Laburista kompla b’akkużi serji ta’ tbagħbis ta’ voti fil-konfront tal-elezzjoni tal-1992. Kien allegat illi Pawlu Muscat eks Sindku ta’ Bormla kien imdaħħal f’din il-kwistjoni kollha. Muscat sussegwentement tneħħa minn Sindku għar-rabja ta’ bosta attivisti Laburisti Bormliżi li riedu illi jkun hu li jibqa’ Sindku.

Sant qatt ma reġa’ kien elett Prim Ministru wara l-1996 u dan hekk kif tilef ir-referendum tal-Unjoni Ewropea, tilef l-elezzjoni tal-2003 u reġa’ tilef l-elezzjoni tal-2008 anke jekk bi ftit iktar minn 1,000 vot biss.

1971-1977 – Deputati Nazzjonalisti jivvutaw mal-Gvern fuq il-kostituzzjoni

Issa ejja nħarsu lura u lejn in-naħa l-oħra tal-ispettru politiku.

George Borg Olivier kien rebaħ l-elezzjoni tal-1962, meta dik is-sena l-Partit Nazzjonalista kien rebaħ b’maġġoranza ta’ 50%, filwaqt li l-Partit Laburista, immexxi minn Mintoff kiseb 32% tal-voti biss. Il-Partit Ħaddiema Nsara ta’ Toni Pellgrini u l-Partit Demokratiku ta’ Herbert Ganado kisbu 8% tal-voti kull wieħed.

Wara l-kisba tal-Indipendenza bil-Monarkija tibqa’ tirrappreżenta l-Kap tal-Istat, Borg Olivier kien reġa’ rebaħ elezzjoni ġenerali oħra, dik tal-1966, meta ħadd ma ġab maġġoranza assoluta. Minkejja dan il-PN kien qabeż lil Mintoff bi 8,000 vot u kellu sitt siġġijiet aktar fil-Parlament.

Iżda kif jgħid Henry Frendo fil-bijografija tiegħu ta’ Borg Olivier ‘Patrijott Liberali Malti’: “Sakemm partit ikun minn fuq jikkmanda, jinsa jew jinjora d-diffetti, jittraskura t-titjib anke tiegħu stess, ikun imħabbat jew aljenat mill-Gvern tiegħu stess, x’aktarx b’inqas ħin għall-affarijiet tal-partit.”

“Malli jitlef u jinqala’ ’l barra, jibda l-eżami tal-kuxjenza, tibda tiċekċek ftit il-fiduċja għamja, tikber il-kritika interna u r-rakkomandazzjonijiet biex l-istrutturi u l-atteġjament u l-attivitajiet jaġġornaw ruħhom, jirrinventaw ruħhom jew jinbidlu radikalment, forsi anke biex jinbidlu n-nies u jtiru l-irjus ukoll. Dan jiġri lil kull partit politiku wara kull telfa elettorali.”

Dan Frendo qalu meta kien se jibda jirrakkonta s-snin ta’ wara t-telfa tal-1971 li rat lill-Perit Mintoff isir Prim Ministru ta’ Malta. Huwa kien kiseb 50.8% tal-vot u kellu maġġoranza ta’ siġġu wieħed fil-Parlament.

Frendo jfakkar illi minkejja l-qasma eventwali fil-PN u x-xewqa tal-maġġoranza skjaċċanti tad-deputati Nazzjonalisti biex Borg Olivier jitlaq minn Kap tal-PN, huwa kien għamel ċerti kisbiet importanti u bena immaġini b’saħħitha ta’ Prim Ministru.

Borg Olivier kellu apppoġġ qawwi fost l-attivisti Nazzjonalisti, imma mhux wisq fil-Grupp parlamentari tiegħu, forsi simili ħafna għas-sitwazzjoni ta’ Adrian Delia bħalissa.

Fil-bijografija ta’ Frendo, l-1974 hija mlaqqma bħala l-aktar sena ta’ sfida għal Ġorġ Borg Olivier.

Il-PN kien qed jikkontempla bidliet fih innifsu hekk kif il-klima politika f’pajjiżna bdiet tiħrax sew b’diversi attakki u vendikazzjonijiet u kontro-attakki u vendikazzjonijiet. Iżda l-Kap tal-PN kien itttratena fuq il-kwistjoni u serraħ fuq tliet fatturi ewlenin. Dawn huma 1) li kien irrispettat bħala Kap minn bosta speċjalment dawk li skont il-ktieb ta’ Frendo, Mintoff kien isibhom bħala ‘ta’ rashom sħuna’ 2) dawk li fil-PN u forsi lil hinn ukoll kienu meqjusin bħala l-eċċessi ta’ Mintoff, li min-naħa l-oħra kien għaddej bi programm ta’ miżuri soċjali, drittijiet ġodda u leġiżlazzjoni bħaż-żwieġ ċivili u 3) Biża’ fil-PN minn qasma, forsi wkoll l-istess biża’ li teżisti llum.

Imma l-qasma fil-Grupp Parlamentari ġiet l-aktar grazzi għat-tibdiliet li l-Prim Ministru Mintoff ried illi jagħmel fil-Kostituzzjoni, b’dawk lealissimi lejn Borg Olivier jgħidu illi din kienet biss skuża biex jitneħħa l-Kap Nazzjonalista.

Kien kważi l-Grupp Parlamentari kollu li ma bediex jaqbel ma’ Borg Olivier bi Frendo jfakkar fil-ktieb tiegħu illi 21 minn 24 Deputat tal-PN kienu lesti jinfuraw lil Borg Olivier illi jekk ma jirreżenjax isibu kap ieħor huma. Għal darb’oħra, din hija simili ta’ sitwazzjoni li kienet qed iseħħ fil-PN sa ġimagħtejn ilu u li din il-gazzetta rrapportat dwarha.

Dawn id-Deputati kienu lesti li jaqblu mal-Gvern ta’ Mintoff fuq ċerti punti u kienu qed jibżgħu wkoll minn xenarju fejn il-Kostituzzjoni tkun tista’ tinbidel b’maġġoranza sempliċi u allura Mintoff ikun jista’ jagħmel dak li jrid. Borg Olivier kien jaħseb li dak ta’ Mintoff kien biss ‘bluff’ u li ma kienx se jasal ibiddel il-mod kif tinbidel il-Kostituzzjoni.

Kuntrarjament għall-maġġoranza assoluta tal-Grupp Parlamentari tiegħu stess, Borg Olivier kien isostni illi l-Kostituzzjoni kienet approvata mill-poplu fir-referendum tal-Indipendenza li ntrebaħ minn dawk li kienu favur il-viżjoni. Hu jsostni illi biex tinbidel il-Kostituzzjoni jeħtieġ isir referendum mill-ġdid.

Imma mbagħad, tkompli tirrakkonta l-bijografija ta’ Borg Olivier, meta kien qed jiddiskuti l-kwistjoni ma’ Mintoff aċċetta li jsiru tibdiliet imma li dawn jidħlu wara l-elezzjoni tal-1976, sabiex l-elezzjoni tkun bħal donnha referendum fiha nnifisha dwar l-istess tibdil fil-Kostituzzjoni. Din il-proposta li ma kinitx diskussa minn qabel, ma tantx għoġbot lin-naħa tal-PN u Guido De Marco kien wera dan biċ-ċar lil Borg Olivier.

Fit-12 ta’ Diċembru, ittieħed il-vot u l-maġġoranza kbira tad-Deputati Nazzjonalisti ħadu pożizzjoni kontra l-kap tagħhom en masse.

Minn 27 Deputat tal-PN kien Ġorġ Borg Olivier flimkien ma’ ħuh Paul Borg Olivier, neputih Albert Borg Olivier De Puget, Alex Cachia Zammit, Joseph Cassar Galea u Alfred Bonnici li vvutaw mal-Kap tal-PN. Fost dawk li ma vvutawx mal-Kap tal-PN u tal-Oppożizzjoni kien hemm George Hyzler, Ugo Mifsud Bonnici, Ċensu Tabone, Eddie Fenech Adami, George Bonello Du Puis u Anton Tabone, ilkoll Deputati li saru Ministri taħt Gvernijiet Nazzjonalisti ta’ Eddie Fenech Adami.

Minkejja li ma qabilx Borg Olivier xorta ħa l-ġurament lejn il-Kostituzzjoni. Jingħad illi waqt li qed jieħu dan il-ġurament lejn il-Kostituzzjoni l-ġdida sostna l-kliem ‘salv il-validità tagħha’. Mhux ċar għalfejn qal dan Borg Olivier imma forsi ried illi jitfakkar li minkejja l-ġurament xorta baqa’ xetikku ta’ ħidmet Mintoff bil-vot ta’ Deputati tiegħu li prattikament ħassru l-Kostituzzjoni tal-Indipendenza.

Ma riedx isir President tar-Repubblika

Il-bijografija ta’ Borg Olivier tirrakkonta kif De Puget kien qal lil Borg Olivier illi dawk li kienu se jivvutaw kontrih fuq il-Kostituzzjoni Repubblikana kienu lesti illi jipproponuh għall-President tar-Repubblika ladarba l-PN ikun fil-Gvern.

De Puget qal hekk lil Henry Frendo “Meta l-poteri fil-PN bdew jagħmlu pressjoni fuqu biex iċedi t-tmexxija, ippruvajt nikkalma s-sitwazzjoni billi għidtlu li huma kellhom l-intenzjoni li jagħtuh il-Presidenza tar-Repubblika malli l-partit jieħu l-poter. Hu mill-ewwel wieġeb li qatt mhu se jaċċetta l-presidenza...”

Għall-fini ta’ dan l-artiklu rriċerka ttieħdet minn dawn il-Kotba: L-Elezzjonijiet f’Malta 1849-1992 – fatt u Ċifi (Michael J Schiavone). Patrijott Liberali Malti (Henry Frendo). Elezzjonijiet Ġenerali 1992-2003 (Michael J schiavone)

More in Politika