‘Tar-restoranti ilhom biex iqaċċtuna … kieku jistgħu anke fil-baħar jitfgħu l-imwejjed’

L-ILLUM iżżur ir-raħal pittoresk ta’ Marsaxlokk bl-għan li titħaddet ma’ diversi bejjiegħa tal-Monti dwar din id-deċiżjoni li l-Monti jżarma fit-3pm

Is-Sibt li għadda, f’referendum lokali x-Xlukkajri vvutaw sabiex il-monti tal-Ħadd tal-istess lokalità jibda jżarma fit-tlieta ta’ waranofsinhar. L-ILLUM żaret ir-raħal pittoresk ta’ Marsaxlokk bl-għan li titħaddet ma’ diversi bejjiegħa tal-Monti dwar din id-deċiżjoni.

‘Jekk inżarmaw aħna tal-monti u minflok joħorġu l-imwejjed tar-restoranti se niġu ċikku briku’

Wieħed mill-bejjiegħa li tkellmu mal-ILLUM qal li għalkemm huwa normalment iżarma qabel is-2pm u għalhekk id-deċiżjoni tas-Sibt ma tantx se taffettwah, xorta waħda għandu riżervi kbar.

“Jien sat-3pm inkun żarmajt. Noqgħod Marsaxlokk stess, sabiħ li hawnhekk ikun spazju miftuħ,” saħaq dan il-bejjiegħ. Minkejja dan, hu qal li, “il-problema hi li jekk lilna se jġegħluna nżarmaw fit-3pm, imbagħad tar-restoranti se jimlew kulm’hawn bl-imwejjed u siġġijiet se niġu ċikku briku,” irrimarka Josef.

Staqsejt lill-bejjiegħ jekk din hix problema rikorrenti. Hu kien pront iwieġeb, “iva, ikollhom 10 imwejjed u jridu jdaħħlu d-doppju. Ġieli jitfgħu l-imwejjed sax-xifer ta’ fejn l-baħar. Jiġi sajjied lanqas ikun jista' jtella’ l-affarijiet tiegħu. Hawn bżonn ta’ ħafna infurzar u regolamenti mhux abbandun totali,” saħaq dan il-bejjiegħ. Żied jgħid li, “min iżomm id-dixxiplina jrid ikun sod u mhux jikkorrompi ruħu b’ħuta jew kafè.”

“B’din id-deċiżjoni Marsaxlokk spiċċa maqsum fi tlieta”

Nikos, bejjiegħ ieħor li ilu għomru u żmienu jaħdem f’dan il-monti sostna ma’ din il-gazzetta li skontu, “din id-deċiżjoni ħolqot diviżjoni fir-raħal ta’ Marsaxlokk.”

 “Bil-vot tal-ġimgħa l-oħra, ir-raħal ta’ Marsaxlokk spiċċa maqsum fi tlieta. Fuq naħa għandek tar-restoranti, fuq in-naħa l-oħra għandek ir-residenti u fl-aħħar nett għandek lilna tal-monti,” spjega Nikos.

Skontu, “kien żball kbir min-naħa tal-awtoritajiet ikkonċernati li għal ftit voti ħadu deċiżjoni li finalment se taffettwa l-għixien tan-nies. Kif jista’ xi ħadd qatt jivvota fuq xi ħaġa li se taffettwa l-ħobża ta’ kuljum ta’ xi ħadd ieħor?” temm jistaqsi dan il-bejjiegħ.

Fuq il-kwistjoni tar-restoranti, dan il-bejjiegħ stqarr li, “huwa veru li xi ftit minnhom iridu jqaċċtuna minn hawn u li kieku jistgħu anke fil-baħar jitfgħu l-imwejjed però minkejja dan ma tistax titfa’ lil kulħadd fl-istess keffa,” sostna Nikos.

“Normalment inkunu lanqas għadna żarmajna u diġà jiġu biex jarmaw l-imwejjed”

Bejjiegħ ieħor li tkellem mal-ILLUM kellu kummenti simili għall-bejjiegħa l-oħra li tkellmu magħna. “Bħala ħin ma tantx taffettwani għaliex l-affarijiet tiegħi nista’ nerfagħhom u nipprova nbigħhom darb’oħra. Però min ibigħ il-ħut ovvjament li se taffettwahom peress li dak li jkollhom armat iridu jbigħuh,” spjega dan il-bejjiegħ.

Hu kompla għid li skontu, “ħafna kienu favur li l-monti jżarma fit-3 ta’ waranofsinhar biex ikunu jistgħu joħorġu l-imwejjed u s-siġġijiet. Sikwit ikollna argumenti ma’ tar-restoranti. Ġieli jagħlquk bl-imwejjed.”

Dan il-bejjiegħ żvela mal-ILLUM li huma bħala bejjiegħa kemm-il darba ppruvaw jindirizzaw din il-problema.

“Konna qabbadna diversi avukati u periti li ħallasna minn butna stess sabiex naslu għal pjan aħjar. Darba minnhom għamilna pjanta sabiex inkunu nistgħu noqogħdu t-tnejn li aħna. L-imwejjed kienu ġejjin mal-bankina u aħna konna sejrin biswit iċ-ċinta tal-baħar. Ma kinetx għoġbithom għaliex ‘ngħattu l-veduta.’ Allura għamilnieha bil-kontra, però din ma għoġbithomx lanqas għax skonthom ‘ma setgħux jaraw l-imwejjed u s-siġġijiet’,” temm jirrakkonta dan il-bejjiegħ partikolari.

‘Il-monti kien hawn qabel ir-restoranti’

Bejjiegħ ieħor li sema’ l-konverżazzjoni preċidenti u li dlonk qabeż jgħid li, “il-monti kien qabel ir-restoranti. Dawn kibru fil-popolarità għaliex in-nies kienu jżuru l-monti. Issa l-ironija li jridu jqaċċtuna minn hawn u jagħmlu l-imwejjed,” saħaq dan il-bejjiegħ

Żied jgħid kif skontu, “in-nies jieħdu gost bih il-monti. Mhux biss it-turisti li huwa popolari ferm magħhom iżda anke l-Maltin. Ħafna minnhom jiġu hawn jieħdu belgħa kafè u jimlew il-ġurnata tagħhom.”

More in Politika