Investituri Taljani jwaqqfu ħaddiema għax l-assi tagħhom għadhom iffriżati f'Satabank

L-aħwa Di Maio ta'  Dream House Malta Limited fetħu protest ġudizzjarju kontra Satabank, Ernst & Young u l-MFSA

L-investitur Taljan Davide Maria Di Maio u ħutu Sergio u Alessandro Di Maio fetħu protest ġudizzjarju kontra s-Satabank, Ernst & Young u l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji wara li l-assi tagħhom kienu ġew iffriżati f’Ottubru li għadda.

F’Lulju tas-sena li għaddiet, il-bank Satabank weħel multa ta’ €60,500 wara li kien instab ħati bi ksur ta’ liġijiet finanzjarji. Aktar tard il-bank kien twaqqaf milli jopera u l-assi tiegħu ġew iffriżati fuq ordni tal-MFSA.

L-aħwa Di Maio, diretturi ta’ Dream House Malta Limited, saħqu li l-kont tagħhom f’Satabank huwa neċessarju għan-negozju li huma għandhom.

Minkejja li Ernst & Young kienu nħatru minn Satabank biex jimmoniterjaw il-bank f’San Ġiljan u jibdew proċess ikkontrollat biex il-klijenti jingħataw flushom lura, il-protest jispjega li l-assi ta’ Di Maio baqgħu ffriżati.

L-aħwa qed jisħqu li dan qed joħloq sitwazzjoni finanzjarja problematika għall-kumpanija tagħhom tant li kellhom iwaqqfu l-kuntratti ta’ diversi impjegati tagħhom kemm f’Malta u anke l-Italja għax ma setgħux iħalsuhom fil-ħin.

L-aħwa kellhom ukoll pjanijiet li jiżviluppaw numru ta’ appartamenti f’Birżebbuġa iżda kellhom jitterminaw il-konvenji f’Novembru li għadda.

Huma qed jitolbu lil Satabank biex jagħtuhom flushom lura u biex iħallsu għad-danni li ġarrbu.

More in Politika