'Il-bdiewa u r-raħħala f'Malta resqin lejn l-estinzjoni minħabba t-traskuraġni tal-Gvern'

Il-Partit Nazzjonalista b'numru ta' proposti dwar il-biedja...Edwin Vassallo jgħid li l-Gvern komdu b'sitwazzjoni 'mwiegħra' f'dan il-qasam

Peter Agius, Kandidat għall-elezzjoni tal-MEPs, flimkien mad-Deputat Edwin Vassallo u l-Kandidat għall-elezzjoni tal-KL Antoine Attard
Peter Agius, Kandidat għall-elezzjoni tal-MEPs, flimkien mad-Deputat Edwin Vassallo u l-Kandidat għall-elezzjoni tal-KL Antoine Attard

Il-Partit Nazzjonalista permezz tal-Kandidat għall-Elezzjoni Ewropea Peter Agius u l-Kelliem għall-Biedja u s-Sajd Edwin Vassallo illum ħabbar proposti studjati maħsuba biex idawwru s-sitwazzjoni li huma ddeskrivew bħala "mwiegħra" li tinsab fiha l-biedja Maltija bħalissa.

Huma sostnew li l-proposti tal-PN ġew studjati fid-dettall sabiex ikunu kompatibbli mal-liġijiet Ewropej filwaqt li jippermettu l-promozzjoni tal-prodott lokali permezz ta’ assistenza teknika lill-għaqdiet tal-bdiewa u raħħala u skemi tal-promozzjoni tal-prodotti staġjonali, friski jew b’impatt minimu fuq l-ambjent. Il-PN qed jipproponi wkoll l-użu ta’ faċilitajiet Ewropej għall-promozzjoni tal-prodott Malti barra minn Malta li "qatt ma ntużaw mill-Gvern u li jistgħu ikunu parti mis-soluzzjoni sabiex terġa tqum il-biedja Maltija."

 Agius spjega kif: ''Il-bdiewa u r-raħħala f'Malta resqin lejn l-estinzjoni minħabba t-traskuraġni tal-Gvern kemm fl-applikazzjoni ta' fondi tal-UE kif ukoll għax mhux juża għodod Ewropej maħsuba apposta għall-promozzjoni tal-prodott agrikolu lokali. Malta l-unika pajjiż fl-UE li ma' użatx fondi apposta għall-promozzjoni tal-prodott agrikolu barra l-pajjiż," sostna Agius. 

Hu kompla jgħid li l-PN għandu għal qalbu l-biedja Maltija għax jifhem l-importanza tagħha f’ soċjeta li jimpurtaha u għalhekk qed iressaq proposti li juru kif nistgħu nuzaw liġijiet Ewropej għall-promozzjoni tal-prodott Malti ġo Malta kif ukoll barra minn Malta.'' 

Vassallo, Kelliem għall-Biedja u Sajd qal li "l-qliegħ mill-biedja naqas 9% is-sena l-oħra. Il-bdiewa qed ifallu u ser ibati kulħadd għax ma' jibqax prodott frisk Malti. Vassallo żied jgħid li ''L-istħarriġ tan-negozju (house business survey) jindika li sa 70% tal-ħaxix u l-frott ikkonsmat mill-Maltin qed jiġi importat. Data tal-NSO dwar il-Pitkalija turi tnaqqis fil-prodott lokali li jammonta għal 20% f’Malta u 35% f’Għawdex, meta l-popolazzjoni relattiva fl-istess dati żdiedet b’14%."

"Pajjiż li jinsa lil min jitimgħu huwa pajjiż bla ruħ...il-biedja Maltija għandha ħafna x' toffri u l-politika trid tagħmel il-parti tagħha biex il-bidwi jkun jista' jaffaċċja suq miftuħ u kompetittiv'' ikkonkludew Vassallo u Agius.

Fl-attivita attenda wkoll Antoine Attard kandidat għall-Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali fil-lokalita’ ta’ Birkirkara.

More in Politika