Il-President Coleiro Preca tingħata dottorat tal-liġi honoris causa mill-Università ta’ Leicester

“Dan huwa tassew mument memorabbli f’ħajti, li ser nibqa’ ngħożż għal dejjem” - Il-President Marie Louise Coleiro

Il_President tar-Repubblika Marie Louise Coleiro Preca
Il_President tar-Repubblika Marie Louise Coleiro Preca

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ngħatat dottorat tal-liġi honoris causa mill-Università ta’ Leicester waqt iċ-ċerimonja ta’ gradwazzjoni li saret il-Ġimgħa 18 ta’ Jannar, ġewwa s-Sala De Montfort, f’Leicester.

Waqt id-diskors ta’ ringrazzjament, il-President Coleiro Preca rringrazzjat lill-Università ta’ Leicester għall-unur li ġie ppreżentat lilha, u qalet li “dan huwa tassew mument memorabbli f’ħajti, li ser nibqa’ ngħożż għal dejjem.”

Il-President faħħret lill-istess università għas-sens ta’ inklużjoni li tħaddan, u li permezz ta’ dan l-università qed tippromwovi l-aktar valuri importanti tal-umanità, fosthom, id-dinjità umana.

“Dawn il-valuri huma għal qalbi ħafna. Għalhekk, jiena nħossni tassew marbuta ma’ din l-università, u nħossni onorata li ġejt magħżula propju sabiex ikun hemm din l-istess konnessjoni. Jiena tassew kburija bl-Università ta’ Leicester għaliex hija università li qed tkun eżempju ħaj ta’ kif għandha tkun il-familja umana tagħna. Inħares ’il quddiem sabiex din ir-rabta tikber u titjieb, anke billi jiġu esplorati modi differenti ta’ kollaborazzjoni diretta mal-Università ta’ Malta”, tenniet il-President.

Il-President Coleiro Preca ddedikat dan l-unur għat-tfal kollha ta’ Malta, tar-Renju Unit u tad-dinja kollha, b’mod partikolari, għal dawk il-264 miljun tifel u tifla minn madwar id-dinja li m’għandhomx aċċess għall-edukazzjoni. Hija qalet li dawn it-tfal qed jiġu mċaħħda minn dritt uman fundamentali, u anke minn dritt fundamentali li t-tfal għandhom, u li jissemma fil-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-Ġnus Magħquda—liema konvenzjoni din is-sena tagħlaq 30 sena minn mindu ġiet iffirmata mill-maġġoranza tal-pajjiżi tad-dinja.

Il-President kienet akkumpanjta mill-Kummissarju Għoli ta’ Malta għar-Renju Unit Joseph Cole. 

More in Politika