Cassola jistaqsi jagħmilx sens neqirdu wieħed mill-isbaħ widien ta' Malta, biex issir mina

Il-Kandidat għall-elezzjoni tal-MEPs Arnold Cassola jfakkar illi għal xi raġuni l-istudji ġeoloġiċi għadhom 'sigriet' 

Iż-żona tal-Pwales fix-Xemxija/Manikata
Iż-żona tal-Pwales fix-Xemxija/Manikata

F'kumment fuq il-midja soċjali l-kandidat tal-Alternattiva Demokratika għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Arnold Cassola staqsa jekk hux qed jagħmel sew il-pajjiż li se jeqred art agrikola mill-aqwa f'wieħed mill-isbaħ widien ta' Malta; Il-Pwales, biex issir mina. 

Huwa staqsa, hekk kif kien qed jindirizza r-residenti tax-Xemxija u l-Manikata, x'sens jagħmel li se tinbena mina meta l-istudji għadhom ma ħarġux minkejja li ilhom lesti erba' xhur. "Lanqas nafu fejn se toħroġ eżatt il-mina," sostna Cassola bil-veduta tal-Pwales warajh, "għax l-istudju ġeoloġiku għadu sigriet." Huwa fakkar illi minkejja li dan l-istudju għadu mhux ippublikat ilu lest erba' xhur u staqsa għalfejn dan qed jinżamm sigriet. 

Huwa qal illi din il-qerda ta' art agrikola ta' valur arkaeoloġiku se ssir biex "niffrankaw bejn 20 u 25 minuta naqsmu l-fliegu u xorta neħlu mill-Manikata sad-destinazzjoni tagħna."

S'issa jidher illi l-mina se tiżbokka fiż-żona tal-Limbordin, f'żona agrikola ta' dan il-wied li jaqsam  lix-Xemixija minn Għajn Tuffieħa.

More in Politika