'Attentat ta' hacking fuq il-profil ta' Twitter ta' Adrian Delia' - PN

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista jisħaq li persuna jew persuni mhux magħrufa minn madwar l-Ewropa ppruvaw jidħlu fil-profil ta' Delia

Fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista saħaq li persuna jew persuni mhux magħrufa minn postijiet differenti madwar l-Ewropa, illum ippruvaw iwettqu cyberattack u jakkwistaw l-aċċess għall-profil tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fuq Twitter.

Il-PN iddeskriva dan bħala każ ieħor li jingħaqad “mas-sensiela ta' attakki li qegħdin isiru fuq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.”

Kien għalhekk li l-istqarrija ddeskriviet dan il-każ bħala wieħed minn sensiela ta’ “attakki kkordinati u malizzjużi qed isiru kontra Adrian Delia u kontra l-partit.”

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li immedjatament il-persuni responsabbli mill-paġni tal-mezzi soċjali tal-Kap Nazzjonalista ħadu l-passi kollha meħtieġ sabiex jissalvagwardja l-profili li fuqhom kien se jsir is-cyberattack.

“Dan is-cyberattack kien se jitwettaq fi żmien meta l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qed jitkellem b'vuċi soda kif il-Gvern irid jagħti art pubblika bix-xejn għall-ispekulazzjoni u l-bini u dwar l-aħħar żviluppi fil-każ tal-bejgħ tat-tliet sptarijiet,” temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika