Lura l-Qorti ta' 61 sena wara li 34 sena ilu qabduh bil-kannabis

Ir-raġel kien ħarab minn Malta ftit wara li deher fil-Qorti fl-1984

Każ ta’ pussess ta’ droga li jmur lura 34 sena ġie preskritt f’digriet li ngħata mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo fil-konfront ta’ raġel minn ta' Sliema.

Ir-raġel kien tressaq il-Qorti f’April tal-1984 meta kellu 26 sena quddiem.

Huwa kien ġie mixli li kellu fil-pussess tiegħu r-raża meħuda mill-pjanta kannabis u li kien ikkoltiva l-istess pjanta. Il-pjanta allegatament kienet instabet fir-residenza tar-raġel, fejn din kienet f’qasrija u li kien hemm ukoll kontenitur tal-metall li kien fih żerriegħa tal-kannabis li kien jiżen b’kollox 19.8 grammi.

Kienu wkoll instabu oġġetti li ġeneralment jintużaw minn persuni li jkunu midħla fiċ-ċirku tad-droga. 

L-akkużat ma kienx deher aktar u fl-20 ta’ Ġunju 1984 kien ħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront tiegħu. 

Dak iż-żmien, fl-20 ta’ Diċembru, 1984, l-Avukat Ġenerali kien talab li jinbdew proċeduri ta’ estradizzjoni, liema talba intlaqgħet għaliex kien hemm il-provi li s-Sliemiż kien siefer barra minn Malta għal dejjem.

Il-Qorti kkunsidrat wara li r-raġel li llum għandu 61 sena, kien qed jiffaċċja piena ta’ mhux aktar minn 12-il xahar ħabs u mhux aktar minn  €2,333 multa. Għalhekk il-perjodu preskritt ta’ dan ir-reat huwa dak ta’ sentejn skont il-liġi.

Irriżulta li skont il-Prosekuzzjoni kienet inħarġet talba għal proċeduri għall-estradizzjoni fl-14 ta’ Frar 1985, iżda mill-indaġni tal-Qorti jidher li dawn il-proċeduri qatt ma kienu saru, jew li kien sar xi mandat u ġie esegwit. Għalhekk il-Qorti qalet li kull ma għamel dan id-digriet hu kiser il-preskrizzjoni li reġgħet kienet daħlet fis-seħħ mill-14 ta’ Frar, 1985 biex għalhekk it-terminu preskrittiv skada fl-14 ta’ Frar, 1987. 

Għal dawn il-motivi l-Qorti ddikjarat li dawn il-proċeduri huma preskritti skont il-liġi.

More in Politika