Se jingħata l-ħlas għas-sahra li l-pulizija għamlu waqt iċ-CHOGM

Iħabbar dan il-Ministru Michael Farrugia f'laqgħa mal-unjins li jirrapreentaw lill-pulizija

F’laqgħa li saret dalgħodu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana, fejn kienu preżenti s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Kevin Mahoney, il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, il-Kap Eżekuttiv tal-Korp Angelo Gafa, uffiċjali mill-Malta Police Association (MPA) u mill-Police Officers Union (POU) fi ħdan il-General Workers Union (GWU), u kienu akkompanjati mill-avukat tal-MPA il-Membru Parlamentari Dr Robert Abela, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Dr Michael Farrugia, infurmahom li tlett issues li kienu pendenti u li tqajjmu mill-istess rappreżentanti tal-ħaddiema ġew konklużi. 

L-ewwel każ jikkonċerna r-rata li biha ser ikunu qed jitħallsu l-Pulizija li ddaħħlu jaħdmu part-time wara li kienu rtiraw qabel mis-servizz. Ir-rata tagħhom issa żdiedet u ser tkun qed tirrifletti l-fatt illi r-rata tal-paga li qabel kienet maħduma fuq xogħol ta’ 46 siegħa ser tkun in line mal-ftehim settorali fejn il-ġimgħa ta’ xogħol tnaqqset għal 40 siegħa. 

It-tieni ftehim jolqot ir-rata tal-extra-duty allowance li ser tkun qed tiżdied biex tirrifletti ż-żieda fir-rati tal-paga tal-uffiċjali kollha fil-Korp tal-Pulizija. Ir-rata maħduma se tkun qed tirrifletti ż-żieda fir-rata tal-overtime illi bdew igawdu minnha l-uffiċjali tal-Pulizija bil-ftehim kollettiv li ġie iffirmat ftit tal-ġimgħat ilu.

It-tielet ftehim ġie milħuq barra mill-Qorti u dawk l-uffiċjali tal-Pulizija li ma kinux intitolati għall-ħlas ta’ overtime waqt l-attivitajiet tal-Commonwealth Heads of Government Meeting (CHOGM) u waqt il-Valletta Summit fuq l-Immigrazzjoni, ser ikunu qed jieħdu kumpens għas-sigħat illi huma ħadmu apparti mix-xogħol normali tagħhom. Riżultat t’hekk se titwaqqa’ l-kawża li hemm il-Qorti. 

B’dak li ħabbar il-Ministru Michael Farrugia, il-Pulizija ser ikomplu jgawdu minn titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, bi dħul għalihom u għall-familji tagħhom. 

Kemm l-MPA u kemm l-POU  laqgħu bi ħġarhom dawn il-miżuri li se jtejbu l-kundizzjonijiet tal-Korp. Iż-żewġ unjins irringrazzjaw lill-Ministru u lill-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija talli ġew milqugħa u konklużi t-talbiet tagħhom

More in Politika