Jitwaqqaf bord ta' esperti għall-programmi speċjalizzati ta' akkomodazzjoni

Fil-preżent diġà jeżistu inizjattivi ta’ housing speċjalizzat favur membri vulnerabbli tas-soċjetà, fosthom għal nies bi sfidi ta’ saħħa mentali u oħrajn

Is-Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali ħabbar li twaqqaf bord ta’ esperti li se jkun qed jieħu ħsieb programmi speċjalizzati ta’ akkomodazzjoni (specialised housing programmes) fi ħdan l-Awtorità tad-Djar. 

Fi stqarrija, is-Segretarjat Parlamentari spjega dan il-bord se jkun qed jassigura li proġetti ta’ housing speċjalizzati ikkordinati minn NGOs li jipprovdu servizz mingħajr profitt, jiġu appoġġjati bi gwidi ċari ta’ best practices, u għajnuniet oħra, fosthom għotjiet finanzjarji jew allokazzjonijiet ta’ spazji adekwati.

Is-Segretarjat fakkar kif fil-preżent diġà jeżistu inizjattivi ta’ housing speċjalizzat favur membri vulnerabbli tas-soċjetà, fosthom għal nies bi sfidi ta’ saħħa mentali, nies li ħarġu minn faċilitajiet korrettivi, u nies fi bżonn ta’ sheltered housing fost oħrajn.

Spjega kif l-għan tal-Gvern huwa li permezz ta’ dan il-bord u l-fondi allokati, il-viżjoni tal-gvern hi li jsaħħaħ il-ħidma eżistenti li qed jagħmlu bosta NGOs, u jinċentiva inizjattivi ġodda.

“Ċertu problemi ma jissolvux billi tagħti post u tagħlaq il-bieb. Qed inħarsu lejn il-housing b’mod aktar ħolistiku u b’dawn il-programmi nindirizzaw sfidi soċjali li jkollhom bżonn għajnuna speċjalizzata,” qal is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes.

Il-bord ta’ esperti se jkun immexxi minn Rachael Scicluna, u se jiltaqa’ għall-ewwel darba aktar tard din il-ġimgħa.

More in Politika