Total ta’ €4.2 miljun għas-sajjieda minn fondi tal-UE

 Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia sostna li l-fondi Ewropej għas-sajjieda qed jintuzaw fil-ħin u b’mod tajjeb ħafna

F’reazzjoni għall-kummenti fuq Facebook minn esponenti Nazzjonalisti s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia sostna li l-fondi Ewropej għas-sajjieda qed jintuzaw fil-ħin u b’mod tajjeb ħafna.

“Hemm diversi proġetti fis-seħħ direttament għall-benefiċċju tas-sajjieda b’ valur totali ta’ €4.2 miljun ta’ fondi Ewropej,” sostna Farrugia.

 Proġetti li ġew approvati jaqgħu taħt il-Programm 2014-2020 permezz tal-Fond Ewropew Marittimu u Sajd (FEMS) jiffokaw fuq taħriġ b’numru ta’ korsijiet ta’ livell għoli għas-sajjieda reġistrati, studju xjentifiku biex titjieb is-selettivita’ tat-tgħamir u tat-tkarkir, kif ukoll il-Programm Multiannwali għall-Ġbir tad-Data 2017-2019. Din l-operazzjoni tinkludi l-ġbir, l-użu u l-ġestjoni tad-data dwar is-sajd.

Farrugia kompla jispjega kif flimkien mal-Ministeru kkonċernat ħriġna wkoll skemi ta’ għajnuna għas-sajjieda, liema skemi huma kkofinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd 2014-2020 b’valur totali ta’ €1 miljun ewro.

 Taħt l-ewwel skema, sidien ta’ bastimenti jistgħu jissottometu applikazzjonijiet għal investimenti li jikkontribwixxu għad-diversifikazzjoni tad-dħul tas-sajjieda permezz tal-iżvilupp ta’ attivitajiet komplementari, inklużi investimenti abbord, turiżmu tas-sajd bil-qasba, restoranti, servizzi ambjentali marbuta mas-sajd u attivitajiet edukattivi dwar is-sajd. 

Taħt it-tieni miżura, sidien ta’ bastimenti jistgħu jinvestu f’tagħmir abbord bl-għan li jnaqqsu l-emissjoni ta’ sustanzi li jniġġsu u jżidu l-effiċjenza enerġetika tal-bastimenti tas-sajd. Spejjeż eliġibbli jinkludu dawk relatati mal-idrodinamika tal-buq tal-bastiment, titjib tas-sistema ta’ propulsjoni tal-bastiment, investiment fl-irkaptu u t-tagħmir tas-sajd, investimenti mmirati lejn it-tnaqqis tal-konsum tal-elettriku, jew tal-enerġija terminali.

 “Fl-istess ħin, qed ninvestu ħafna fil-port ta’ Marsaxlokk b’investiment ta’ iktar minn €5 miljun għal inftrastruttura tal-port, li wkoll jaffetwa lis-sajjieda b’mod dirett,” fakkar Farrugia.

Ifakkar li l-proġetti f’dan il-qasam jinkludi titjib fl-islipways ta’ Marsaxlokk, kostruzzjoni ta’ breakwater fil-ponta tal-Qrejten, f’Marsaxlokk u titjib fil-portijiet tas-sajd fl-Imġarr Għawdex u f’Marsaxlokk.

More in Politika