Jum importanti għar-Renju Unit; Il-Parlament Ingliż jivvota dwar il-ftehim għal Brexit

Kollox jindika li l-Parlament Ingliż se jkun qed jivvota kontra l-ftehim għal Brexit milħuq bejn May u l-mexxejja tal-Unjoni Ewropea 

Illum huwa jum importanti ħafna għar-Renju Unit u xi ftit jew wisq anke għall-futur tal-Prim Ministru Ingliż Theresa May u dan hekk kif wara ġimgħat ta’ stennija, il-Parlament Ingliż se jivvota dwar il-ftehim għal Brexit.

Il-vot se jittieħed aktar tard illum, għall-ħabta tat-8:00pm, wara ħamest ijiem ta’ dibattitu jaħraq.

Ibieraħ May ħeġġet lill-Membri Parlamentari biex jivvutaw favur il-ftehim, għax fi kliemha hemm ċans li mingħajr il-ftehim ma jkunx hemm Brexit.

May insistiet li l-Unjoni Ewropea tat assigurazzjonijiet b’saħħithom fosthom anke dwar “il-backstop” Irlandiża, l-aktar punt li qajjem diskussjoni fil-Parlament Ingliż.

Madanakollu, diversi Deputati ta’ May mistennija jingħaqdu mal-partiti fl-Oppożizzjoni u jivvutaw kontra dan il-ftehim.

Fl-aħħar jiem, il-Kap tal-Oppożizzjoni Ingliż, Jeremy Corbyn insista li jekk il-ftehim ma jgħaddix, May għandha ssejjaħ elezzjoni ġenerali urġenti u saħaq li l-Partit Laburista lest iressaq mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern.

More in Politika