Sant jiftaħ il-kanuni fuq il-KE u jakkużaha bi trattament sproporzjonat kontra Malta

Sant ikkritika l-passi li l-Kummissjoni Ewropra ħadet fil-konfront ta' bank kbir fil-Latvja li kien qed jintuża għall-ħasil tal-flus

Alfred Sant fetaħ il-kanuni fuq il-Kummissjoni Ewropea għal dak li huwa qed isejjaħ bħala "t-trattament sproporzjonat" tagħha fil-konfront ta’ Malta meta mqabbel mal-każ ferm aktar serju tal-Latvja dwar infurzar ta’ regoli dwar ħasil ta’ flus.

Sant kien qed jirreaġixxi waqt mistoqsija supplimentari fil-Parlament Ewropew għar-risposta tal-Kummissarju Vera Jourova dwar l-akkużi ta’ ħasil ta’ flus indirizzati lil Bank tal-Latvja ABLV.

Il-Kummissarju Yourova qalet li l-Kummissjoni hija konxja tal-ġrajjiet u tal-likwidazzjoni eventwali tal-Bank ABLV u qed tagħmel monitoraġġ tas-sitwazzjoni wara li fetħet proċeduri għan-nuqqas ta' komunikazzjoni tal-miżuri ta' traspożizzjoni tar-Raba 'Direttiva Kontra l-Ħasil ​​tal-Flus’ kontra l-Latvja f'Lulju 2017.

Madanakollu, fil-mistoqsija supplementari, Alfred Sant insista mal-Kummissarju Jourova li għandha tispjega għaliex u kif it-trattament ta’ Malta kien sproporzjonat meta mqabbel mal-mod kif imxiet mal-iskandlu tal-Latvja.  

Alfred Sant qal li fil-każ tal-Latvja, il-Kummissjoni Ewropea qed tagħmel monitoraġġ tal-attivitajiet u ntbagħtu għadd ta’ ittri lil awtoritajiet ta’ kontra l-ħasil ta’ flus. Talbet ukoll investigazzjoni dwar il-ksur tal-liġi tal-UE mill-EBA. Il-Bank tal-Latvja ABLV kellu madwar $4.6 biljun dollaru Amerikan f’assi, immaniġġja transazzjonijiet li jammontaw għal għexieren ta’ biljuni ta’ dollari f’ġurisdizzjonijiet offshore.

Mill-banda l-oħra, kompla jispjega Sant, fil-każ ta’ Malta, il-Kummissjoni Ewropea talbet inkjesti preliminari li damu sentejn kif ukoll investigazzjonijiet fuq il-post. Talbet ukoll li tiltaqa’ mal-FIAU u tkun provduta aktar informazzjoni. Il-Kummissjoni Ewropea talbet ukoll lill-awtoritajiet Maltin biex jieħdu numru ta' miżuri, u anke skrutinizzat il-metodoloġija, l-istrateġija u l-abilità tagħhom ta’ kif jirreaġixxu għal-proċessi ta’ ispezzjonijiet.

Sant kompla jfakkar lill-Kummissarju Vera Jourova, li fi stqarrijiet uffiċċjali għall-istampa, irreferiet għal-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus fil-kuntest ta’ “Malta u pajjiżi oħra” u ripetutament irreferiet għad-dgħufija sistematika ta’ Malta meta irreferiet għal każ tal-Bank Pilatus.

Il-Bank tal-Latvja ABLV ġie implikat b’ħasil ta’ flus, tixħim ta’ uffiċċjali u iffaċilitar tal-ksur tas-sanzjonijiet kontra l-Korea ta’ Fuq. L-Unità` li tinvestiġa r-reati finanzjarji tal-Istati Uniti akkużat lil ABLV li l-ħasil ta’ flus għamlitu l-pilastru tal-prattiċi kummerċjali tal-bank għal bosta snin u li l-bank tal-Latvja kien involut f’serq ta’ $1 biljun dollaru Amerikan f’assi minn banek tal-Moldova frodulenti. ABLV, it-tielet l-akbar bank tal-Latvja, ġie illikwidat wara akkużi ta’ ħasil ta’ flus istituzjonalizzat.

More in Politika