‘Meta nkun naf min xerred il-filmati se nieħu kull pass permess bil-liġi’ - Delia

Mal-illum.com.mt Adrian Delia jgħid li mhux se jieħu passi kontra Beppe Fenech Adami u Jason Azzopardi għax 'm'għandu l-ebda prova'

Il-Kap tal-PN Adrian Delia, bħalissa taħt pressjoni kbira
Il-Kap tal-PN Adrian Delia, bħalissa taħt pressjoni kbira

F'kummenti li ta lil dan is-sit ftit mumenti wara li spiċċa ir-rally fid-Dar Ċentrali f'Tal Pietà ilbieraħ, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia wiegħed li, "ġaladarba nkun naf fiċ-ċert min qed ixxerred il-filmati personali tiegħi u tal-familjari tiegħi, se nkun qiegħed nieħu passi."

Mistoqsi x'tip ta' passi beħsiebu jieħu, Delia wieġeb, "kull pass possibbli bil-liġi Maltija", filwaqt li ddeskriva tixrid ta' dawn il-filmati personali bħala 'att skandaluż'.

Is-sit illum.com.mt staqsa wkoll lil Kap tal-Oppożizzjoni għar-reazzjoni tiegħu fuq l-stejjer li rrapportat din il-gazzetta stess, fejn fi ftit kliem żvelat kif numru ta' deputati tal-PN, fosthom Beppe Fenech Adami u Jason Azzopardi qed jiltaqgħu ma' Deputati tal-PN biex Delia jitneħħa. 

Għall-mistoqsija tal-ILLUM Delia sostna li, "jien m'għandi prova tal-ebda forma ta' ħidma minn dawn id-deputati kontrija u la ma rajt xejn, ma nistax neħlef jew nieħu passi."

Mistoqsi x'kors ta' azzjoni jekk issir jaf b'min allegatament qegħdin jagħmlu l-bsaten fir-roti lill-Kap tal-PN, huwa saħaq li, "ma rajt xejn bil-miktub, però jekk inkun ċert u jkolli evidenza f'idi li turi dan ovvjament jkolli nieħu passi."

Ilbieraħ filgħaxija, Adrian Delia intlaqa' fid-Dar Ċentrali minn għexieren ta' partitarji entużjasti lkoll jgħajjtu 'Delia, Delia' u jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-Kap tal-PN, bħalissa fl-għajn ta' ħafna kritika. 

Il-laqgħa li għaliha ssejħu l-attivisti u l-kumitati sezzjonali saret hekk kif il-Partit Nazzjonslista għaddej minn waħda mill-eqqel kriżijiet politiċi b'numru ta' Deputati saħansitra jirribellaw kontra Delia fil-pubbliku.

More in Politika