'Mhux se nieħu lezzjonijiet mingħand Malta;' - Salvini jwieġeb lill-Gvern

Dalgħodu l-Gvern Malti giddeb lil Salvini meta akkuża lil Malta li mhux qed timxi mal-wiegħda tagħha għar-rilokazzjoni volontarja tal-immigranti

Id-Deputat Prim Ministru Taljan ma tantx qed iħalliha għaddejja lixxa hekk kif għażel li jerġa' jirrispondi lill-Gvern Malti li dalgħodu gidbu meta akkuża lil Malta li mhux qed timxi mal-wiegħda tagħha għar-rilokazzjoni volontarja tal-immigranti.

Salvini saħaq li mhux se jieħu lezzjonijiet mingħand Malta li fi kliemu "għal snin sħaħ għalqet għajnejha u ħalliet bastimenti u dgħajjes bl-immigranti sejrin lejn l-Italja."

"Il-diska nbidlet. Fl-Italja jidħlu biss bil-permess. Diġà aċċettajna ĦAFNA u li ħaddieħor irrifjuta," kiteb Salvini.

Dalgħodu, fi stqarrija, il-Gvern Malti fakkar lil Salvini li meta Malta daħlet għandha l-immigranti abbord il-bastiment Lifeline, l-Italja kienet aċċettat li tieħu 50 immigrant. Meta, ftit tal-ġimgħat wara li l-Italja kienet talbet għal rilokazzjoni ta’ immigranti, Malta kienet l-ewwel stat membru li wieġbet li kienet lesta tieħu l-istess ammont ta' immigranti.

Il-Gvern Malti kompla jfakkar lil Salvini li wara laqgħa bejn esperti Taljani u Maltin kien maqbul li ġaladarba ż-żewġ pajjiżi kienu qablu li jieħdu l-istess ammont ta’ persuni, kellhom iżommu l-50 persuna u għalhekk jikkanċellaw ir-rilokazzjoni mwiegħda lil xulxin, anke biex ma jkunx hemm ċaqlil għalxejn ta’ immigranti li diġà jkunu għaddejin minn tbatija kbira.

Għalhekk, Malta żammet il-50 persuna mil-Lifeline li kellhom ikunu ttrasferiti lejn l-Italja u l-Italja żammet il-50 persuna li Malta kellha tieħu minn Pozzallo.

Kien hawn li l-Gvern Malti ħeġġeġ lil Salvini biex qabel jitkellem jiċċekja l-fatti. 

 

More in Politika