Kisser bieb ta' stabbiliment biex jintbagħat lura s-Serbja...u fil-fatt hekk se jiġri

Jingħata sentenza sospiża, obbligat iħallas l-ispejjeż u probabilment jintbagħat lura pajjiżu...

Il-Qorti semgħet kif raġel Serbjan ta' 20 sena kisser bieb tal-ħġieġ ta' ħanut biex b'hekk ikun arrestat u jintbagħat lura pajjiżu. 

Ir-raġel deher quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello dalgħodu u kien akkużat li għamel ħsara fuq bieb ta' stabbiliment, bl-ispejjeż jitilgħu għal €472

L-Ispettur Spiridione Zammit, li mexxa l-prosekuzzjoni, spjega kif ir-raġel ma kienx fis-sakra imma "għamel dak li għamel biex jintbagħat lura pajjiżu. Huwa qal li ma kellux ħbieb u lanqas flus.

L-Avukat tal-Għajnuna Legali Charmaine Cherret qalet illi l-klijent tagħha skuża ruħu u li s-sitwazzjoni tiegħu hija ħażina, mingħajr flus jew familja li tista' tgħinu. 

Il-Qorti qalet illi dan mhuwiex il-mod kif  isiru l-affarijiet u li dak li għamel ir-raġel, li ammetta l-ħtija, ma kienx skużabbli. 

Huwa instab ħati u kien arrestat għal sena, sospiża għal 18-il xahar. Kien orndat iħallas l-ispejjeż tal-ħsara li għamel f'sitt xhur. 

Sorsi qrib il-każ qalu lil dan issit illi r-raġel se jintbagħat lura pajjiżu fl-ewwel opportunità.

More in Politika