Il-Gvern Malti jwieġeb lil Salvini; 'Malta dejjem żammet mal-wiegħdi tagħha'

Salvini akkuża lil Malta li mhux tobbliga l-wiegħda ta' rilokazzjoni volontarja tal-immigranti

Il-Gvern Malti akkuża lid-Deputat Prim Ministru Taljan Matteo Salvini li qed jgħawweġ il-fatti meta qed jakkuża lil Malta li mhux tobbliga l-wiegħda li kienu għamlu l-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea għar-rilokazzjoni volontarja tal-immigranti.

Fi stqarrija, il-Gvern Malti fakkar lil Salvini li meta Malta daħlet għandha l-immigranti abbord il-bastiment Lifeline, l-Italja kienet aċċettat li tieħu 50 immigrant. Meta, ftit tal-ġimgħat wara li l-Italja kienet talbet għal rilokazzjoni ta’ immigranti, Malta kienet l-ewwel stat membru li wieġbet li kienet lesta tieħu l-istess ammont ta' immigranti.

Il-Gvern Malti kompla jfakkar lil Salvini li wara laqgħa bejn esperti Taljani u Maltin kien maqbul li ġaladarba ż-żewġ pajjiżi kienu qablu li jieħdu l-istess ammont ta’ persuni, kellhom iżommu l-50 persuna u għalhekk jikkanċellaw ir-rilokazzjoni mwiegħda lil xulxin, anke biex ma jkunx hemm ċaqlil għalxejn ta’ immigranti li diġà jkunu għaddejin minn tbatija kbira.

Għalhekk, Malta żammet il-50 persuna mil-Lifeline li kellhom ikunu ttrasferiti lejn l-Italja u l-Italja żammet il-50 persuna li Malta kellha tieħu minn Pozzallo.

“Il-Gvern Malti huwa sorpriż bl-allegazzjonijiet tal-Ministru Salvini,” tisħaq l-istqarrija. “Il-Gvern Malti jistieden lill-Gvern Taljan biex jirrivedi l-istatistiċi tiegħu u ma jirrepetix allegazzjonijiet infondati.”

More in Politika