Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Minkejja l-ftehim, Salvini jinsisti li ma kienx ikkonsultat u mhux se jaċċetta immigranti

Salvini jibqa' jinsisti li mhux se jaċċetta immigranti minkejja li tħabbar li l-Italja u seba' pajjiżi oħra se jaqsmu 224 immigrant bejniethom

Yendrick Cioffi / 9 ta' Jannar 2019 15:15
Minkejja l-iżblokk fil-kwistjoni tal-immigranti, jiġifieri li 224 immigrant se jinqasmu bejn tmien pajjiżi, fosthom l-Italja, id-Deputat Prim Ministru Taljan, Matteo Salvini, beħsiebu jżomm mal-pożizzjoni tiegħu u mhux se jaċċetta l-immigranti.

F’kummenti mal-ġurnalisti fil-Polonja, Salvini insista li ma kienx ikkonsultat u bħala Ministru għall-Intern mhux se jawtorizza li dawn l-immigranti jidħlu l-Italja.

“Kemm jekk ikunu tmienja u anke jekk 88, mhu se nagħti permess lil ħadd biex jidħol l-Italja, jien ma kontx ikkonsultat,” saħaq Salvini.

Il-ftehim tħabbar dalgħodu mill-Prim Ministru Joseph Muscat wara li 49 immigrant kienu ilhom aktar minn ħmistax bejn sema u ilma.

Malta aċċettat li ddaħħal dawn l-immigranti wara li ntlaħaq ftehim fost tmien pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, li dawn l-immigranti u 200 immigrant ieħor li ġew salvati fl-aħħar jiem, jinqasmu bejniethom.

Malta se tkun qed iżżomm 74 immigrant.

Din il-kwistjoni tal-immigranti ħarġet fil-beraħ it-tensjoni fil-Gvern ta’ koalizzjoni Taljan, bil-Prim Ministru Giuseppe Conte u d-Deputat tiegħu Matteo Salvini jmeru u jirrispondu lil xulxin.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook