Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Conte: 'Immur għalihom jiena;' Salvini: 'Mingħajr il-permess tiegħi ma jidħol ħadd'

Il-kwistjoni dwar l-immigranti li ilhom aktar minn ħmistax bejn sema u ilma toħroġ fil-beraħ it-tensjoni bejn Conte u Salvini

Yendrick Cioffi / 9 ta' Jannar 2019 10:32
Il-kwistjoni dwar l-immigranti li issa ilhom 18-il ġurnata bejn sema u ilma ħarġet fil-beraħ it-tensjoni bejn il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte u d-Deputat Prim Ministru Taljan Matteo Salvini.

Ilbieraħ, waqt il-programm Porta a Porta, il-Prim Ministru Taljan tenna li hu lest jilqa’ lit-tfal, lin-nisa u żwieġhom anke jekk ftit tal-ħin Salvini tefa’ filmat fuq Facebook li fih iddikjara li mingħajr il-permess tiegħu mhu se jasal ħadd.

Fl-aħħar jiem Salvini ddikjara aktar minn darba li hu mhux lest jiċċaqlaq pulzier fuq din il-kwistjoni. Insista li hu mhux se jkun kompliċi fi traffikar uman waqt li fakkar kif kien hu stess li aċċetta li fl-Italja jaslu mijiet ta’ immigranti li ħarbu mill-gwerra f’pajjiżhom iżda li għamlu dan permezz ta’ “organizzazzjonijiet serji,” u waslu l-Italja bl-ajruplan.

Madanakollu, mistoqsi minn Bruna Vespa, Giuseppe Conte deher determinat li jaċċetta lin-nisa, lit-tfal u żwieġhom.

Conte insista li anke jekk il-pożizzjoni tal-Gvern Taljan tibqa’ waħda soda, insista li dan hu każ eċċezzjonali għax nisa u tfal ilhom aktar minn ħmistax fuq il-baħar.

“Immur għalihom jiena stess bl-ajruplan,” saħaq Conte waqt li rrefera direttament għall-kummenti ta’ Salvini.

“Poġġu s-solidarjetà u t-trattament uman tal-proxxmu qabel kollox,” - il-PD 

Fi stqarrija, il-Partit Demokratiku saħaq li l-Gvern missu daħħal lill-vulnerabbli, li jinkludu nisa u tfal, hekk kif it-temp qaleb għall-agħar, u b’hekk kien ikun qed jagħti eżempju għall-Istati Membri l-oħra.

Għaldaqstant, il-Partit Demokratiku jagħti appoġġ lill-istqarrija maħruġa mis-46 NGO, li tennet li l-istati membri tal-UE mhumiex qed juru solidarjetà u qed jitilfu kull sens ta’ umanità.

Madanakollu, il-PD kompla jisħaq li Malta trid tkun iebsa dwar il-migrazzjoni minħabba l-pożizzjoni prekarja tal-pajjiż bejn l-Afrika u l-Ewropa; minħabba ċ-ċokon ta’ pajjiżna, u l-Konvenzjoni Dublin II, li tobbliga lil Malta tagħti kenn lir-refuġjati salvati għal dejjem. 

Il-PD saħaq li jeħtieġ li din il-kwistjoni tkomplu tkun indirizzata fi Brussell iżda insista li d-diplomazija ma tistax tieqaf waqt il-vaganzi tal-Milied, meta hemm ħajjet in-nies fin-nofs.

"L-inċident tas-Sea Watch jixhed dan, fejn qed naraw konsegwenzi krudili. Jidher li l-prinċipji sbieħ li fuqhom ġiet mibnija l-Ewropa: is-solidarjetà, ekwità, u inklussività ġew imwarrba," temm jgħid il-PD.

Yendrick Cioffi ssieħeb mal-kumpanija Mediatoday fl-2018 wara 4 snin ta' ħidma bħala ġurnalist mas-sit newsbook.com.mt. Cioffi jispeċjalizza fi stejjer soċjali , politiċi u kulturali u għal din l-aħħar sena kien responsabbli għat-tfassil ta' diversi supplimenti dwar festi ta' bliet u rħula differenti
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook