Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Mhux se ssir inkjesta dwar il-Panama Papers - tiddeċiedi l-Qorti tal-Appell

Il-Qorti tal-Appell ippreseduta mill-Maġistrat Giovanni Grixti ddeċidiet li m'hemmx biżżejjed bażi legali għal inkjesta dwar il-Panama Papers

Albert Gauci Cunningham / 8 ta' Jannar 2019 17:03
Ftit tal-ħin ilu l-Qorti tal-Appell irrevokat ordni mill-Qorti stess dwar l-inkjesta dwar il-Panama Papers. 

L-ewwel Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia kienet iddeċidiet li prima facie kien hemm biżżejjed raġunijiet biex tibda inkjesta dwar il-Panama Papers u allura l-kumpaniji li kienu fetħu fil-Panama, il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri. 

Il-Qorti tal-Appell kienet ippreseduta mill-Maġistrat Giovanni Grixti. Hu ddeċieda li dak li kien qed jinsisti Simon Busuttil ma kellux biżżejjed bażi legali biex tibda inkjesta dwaru.

Il-każ li fetaħ Busuttil kien kontra l-PM Joseph Muscat, Keith Schembri, Brian Tonna, Karl Cini, Malcolm Scerri u Adrian Hillman.

'Wara Egrant, il-Qorti reġgħet ħelset totalment lill-PM'

Fi stqarrija l-Gvern sostna li b'din id-deċiżjoni, wara l-inkjesta Egrant, illum il-Qorti reġgħet "ħelset totalment" lill-Prim Ministru u persuni oħra.

"L-allegazzjonijiet li għamel id-Deputat Simon Busuttil ġew deskritti mill-Qorti bħala purament ‘spekulazzjonijiet’, tant li l-anqas biss hemm ingredjenti suffiċjenti biex issir inkjesta in genere," insistiet l-istqarrija.

Il-Gvern fakkar ukoll li d-digriet ta’ Giovanni Grixti jikkonferma wkoll id-deċiżjoni tal-Maġistrat Franco Depasquale tal-21 ta’ Mejju 2018, li kien ċaħad it-talba ta’ Simon Busuttil u l-Ewroparlamentari David Casa, biex ikun hemm inkjesta oħra fil-konfront tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri.

(Din l-istorja qed tkun aġġornata)

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook