Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Numru ta' Deputati tal-PN lesti jiffirmaw kontra Delia u jmorru għand il-President

Sorsi jgħidu lil dan is-sit li dan huwa t-tieni attentat kontra Delia, permezz ta' firem għand il-President minn uħud fil-Grupp Parlamentari ...

Albert Gauci Cunningham / 7 ta' Jannar 2019 19:00
Adrian Delia isegwi l-Baġit | Ritratt DOI
Dan is-sit jinsab infurmat illi numru ta' Deputati Nazzjonalisti lesti jiffirmaw stqarrija ta' sfiduċja f'Adrian Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni u jieħdu  il-firem tagħhom għand il-President tar-Repubblika Marie Louise Coleiro Preca, jekk dawn jiffurmaw il-maġġoranza tad-Deputati Nazzjonalisti.

F'dan il-każ il-President ikollha tfittex dik il-persuna li tikkmanda l-fiduċja tal-maġġoranza tad-Deputati tal-PN.

Dan is-sit jinsab infurmat li din fil-fatt hija t-tieni darba li sar dan l-attentat, bl-ewwel darba tkun meta Delia neħħa lil Simon Busuttil minn Kelliem għall-Governanza tal-PN u talab għar-riżenja tiegħu mill-Grupp Parlamentari. Ftit wara iżda kien instab kompromess. 

Din id-darba wkoll jidher li d-Deputati kontra Delia huma determinati għalkemm xorta qed jibżgħu għaliex mhuwiex ċar min lest jieħu post Delia. Huwa dan, iktar minn kollox, li għadu qed iżomm rivolta totali u t-tneħħija ta' Delia lura. 

Intant għadhom qed jippersistu diċeriji illi se jkunu ppublikati filmati jew awdjo, li mhux neċessarjament ikunu dwar il-familja ta' Delia iżda dwar Adrian Delia stess. 

Ara hawnhekk x'qalu mal-ILLUM żewġ Deputati tal-PN u persuna qrib Delia

Ara hawnhekk x'messaġġ li kien bagħat Delia kien żvelat dalgħodu, fih jgħajjar lil ta kontrieh 'tradituri' 

Aqra hawn l-Editorjal tal-ILLUM dwar is-sitwazzjoni fil-PN

It-tmexxija ta’ Delia sfidata, kontinwament...

Din mhux l-ewwel darba li t-tmexxija ta’ Delia kienet sfidata. F’Ottubru 2017 is-sit illum.com.mt kien żvela kif Delia kien qed jiffaċċja rivolta b’diversi telefonati u proċess sħiħ biex Delia ma jibqax Kap tal-partit. Il-gazzetta Maltatoday kienet żvelat tal-anqas 11-il deputat li kienu lesti jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-mozzjoni ta’ sfiduċja f’Adrian Delia.

Delia kellu jiffaċċja wkoll reżistenza meta tressqet mozzjoni dwar leave għal ġenituri li jmorru barra mill-pajjiż biex jgħaddu minn proċessi ta' IVF. Din il-votazzjoni mill-ewwel qanqlet l-oppożizzjoni ta' diversi fil-PN, għalkemm kienet biss Therese Comodini Cachia li qalet pubblikament li kienet se tivvota kontra l-mozzjoni, li kienet sabet id-difiża qawwija tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Delia sostna li fuq din ma kienx hemm vot ħieles u allura l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista kollu kien mistenni li jivvota favur il-mozzjoni.  

Apparti dawk li ma setgħux ikunu preżenti minħabba safar jew impenji, id-deputati Nazzjonalisti Karl Gouder, Mario De Marco, Therese Comodini Cachia, Chris Said u Karol Aquilina, għalkemm preżenti waqt id-dibattitu, ma daħlux għall-Plenarja biex jivvutaw fuq mozzjoni tal-PN. Din il-mozzjoni kienet ippreżentata mill-Viċi Kap David Agius u ssekondata mill-Kap tal-PN Adrian Delia.  

Imma l-akbar skoss Delia ħadu meta neħħa lil Simon Busuttil minn Kelliem għall-Governanza u talbu jissospendi lilu nnifsu mill-Grupp Parlamentari. Delia għamel dan ftit ħin wara li kienu ppubblikati l-konkulużjonijiet tal-inkjesta dwar Egrant li ma sabet ebda konnessjoni bejn din il-kumpanija fil-Panama u Michelle Muscat.

Dakinhar 10 Deputati Parlamentari kienu sfidaw id-deċiżjoni ta’ Delia, pubblikament u appoġġjaw lill-eks Kap tal-PN. Dawn id-Deputati kienu Mario De Marco, Beppe Fenech Adami, Karol Aquilina, Jason Azzopardi, Claudette Buttigieg, Marthese Portelli, Therese Commodini Cachia, Karl Gouder, Claudio Grech u Ryan Callus.

L-eks Kandidat fl-elezzjoni għal Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista, Frank Portelli f’intervista mal-ILLUM kien qal li l-problema mhux Delia iżda dawk li m’aċċettawhx.

Albert Gauci Cunningham, 36 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook