Delia jgħid li hemm diversi recordings dwaru li huma 'ffabbrikati'

Adrian Delia saħaq li l-partit jeħtieġ ikun wara kap wieħed u min għandu problema bil-kap aħjar joħroġ u jitkellem.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li hemm diversi recordings li qed iduru fuq il-midja soċjali dwaru u li huma ffabbrikati.

F’intervista mas-sit Newsbook.com.mt, Adrian Delia insista hu sema ħafna minn dawn ir-recordings u saħaq li uħud “jekk mhux kollha” huma editjati.

Huwa saħaq li min qed ixerred dawn il-messaġġi, filmati u recordings qed jipprova jdgħajjef lilu u lill-Partit Nazzjonalista u żgur li mhux qed jagħmel ġid lill-pajjiż.

Fil-fatt insista li kien għalhekk li dalgħodu bagħat messaġġ lill-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista biex fi kliemu jagħmel “kuraġġ” lil dawk huma viċin tiegħu biex iħejju ruħhom għax fi kliemu dawn l-attakki se jibqgħu isiru.

“Irridu naraw min huwa magħna u min mhuwiex,” saħaq Delia waqt li insista li hemm sfidi li jeħtieġ jingħelbu biex il-PN ikun lest għall-elezzjoni ta’ Mejju li ġej.

Fil-fatt huwa saħaq li apparti dan il-messaġġ bagħat ħafna aktar messaġġi kemm privati u anke pubbliċi u fi kliemu rċieva rispons qawwi.

Mistoqsi x’ried jgħid meta rrefera għal ‘gwerra’ li jrid jagħmel, Delia insista li kien qed jitkellem b’mod metaforiku u kien qed jirreferi għall-elezzjonijiet importanti ta’ Mejju li ġej.

Jidher li l-Partit Nazzjonalista għadu ma ddiskutix dawn ir-recordings u l-leaks li qed jinxterdu fuq il-midja soċjali tant li meta mistoqsi dwar dan Delia insista li l-PN irid jiffoka biex iġib l-aqwa riżultat f'Mejju.

‘Il-partit jeħtieġ ikun wara kap wieħed’

Fil-kummenti tiegħu, Delia rrefera wkoll għall-problemi interni fil-Partit Nazzjonalista u insista li l-partit jeħtieġ ikun wara kap wieħed u min għandu problema bil-kap aħjar joħroġ u jitkellem.

Mistoqsi jekk jistax ikun li l-problema huwa l-kap innifsu, jiġifieri hu stess, Delia wieġeb “assolutament le” u fi kliemu saħaq li bħalu jaħsbuha l-maġġoranza tat-tesserati tal-Partit Nazzjonalista.

“Aħna mhux partit tas-sigrieti…aħna għandna demokrazija kbira fejn kulħadd jgħid li jrid, iżda hemm statut, regolament u kap u kulħadd jimxi warajh,” temm jgħid Delia.

More in Politika