'Mhux vera li ħafna ma jridux li l-Ewropa ssib soluzzjoni għal dawn l-immigranti'

L-Isqof ta' Għawdex jitkellem mar-radju tal-Vatikan dwar is-sitwazzjoni tad-49 immigrant maqbuda fuq il-baħar

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech saħaq li mhux minnu l-impressjoni li qed tingħata jiġifieri li ħafna persuni huma kontra li l-immigranti li ilhom jiem sħaħ fuq il-baħar jingħataw port sigur fejn ikunu jistgħu jinżlu.

Monsinjur Grech qal dan f’intervista mar-radju tal-Vatikan ġurnata wara l-appell imqanqal tal-Papa Franġisku biex il-mexxejja Ewropej jaċċettaw lil dawn il-persuni.

Fil-kummenti tiegħu, Monsinjur Grech saħaq li l-Papa Franġisku ta vuċi mhux biss lil dawk il-persuni li jinsabu fuq il-baħar iżda lil ħafna oħrajn li jridu li l-Ewropa ssib soluzzjoni.

“Is-soċjetà tal-lum hija maħkuma minn populiżmu falz,” kompla jgħid Monsinjur Grech.

Fakkar li fl-aħħar xhur ġie ċċelebrat is-70 anniversarju mid-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem imma staqsa x’sar minn dawn id-drittijiet.

“Kif is-soċjetà hija daqshekk insensibbli biex tiddefendi d-drittijiet fundamentali tal-persuni?” staqsa Monsinjur Grech.

Filwaqt li insista li l-kwistjoni tal-immigranti hija xi ftit jew wisq kumplessa u għandha tkun indirizzata bil-kalma u bil-prudenza kollha, ir-responsabbilità ma għandhiex tingħata l-ġenb.

“Ma nistgħux nagħtu l-ġenb lill-ħajja umana,” kompla l-Isqof.

Waqt li saħaq li hu mhu qed jirreferi għall-ebda Gvern partikolari, saħaq li hawn ħafna biża’ u diżinformazzjoni li xi ftit jew wisq qed isservi ta’ ostaklu meta jiġu biex jittieħdu deċiżjonijiet kurraġġużi.

Kompla billi rrefera għall-omelija tal-Papa Franġisku fis-solennità tal-Epifanija u insista li għandna ninfetħu u ngħinu lill-oħrajn mingħajr ma nistennew li nirċievu xejn lura.

“Qed nitkellmu fuq l-Ewropa, kontinent Kristjan. Iżda fejnhom il-valuri Kristjani?” staqsa Mons. Grech.

Temm jisħaq li l-uniku soluzzjoni hija li immedjatament jinfetħu l-portijiet għal dawn l-immigranti waqt li fakkar li aktar ma jgħaddi l-ħin, aktar se ssir gravi s-sitwazzjoni li jinsabu fiha dawn il-persuni.

Ir-radju tal-Vatikan għamel ukoll referenza għall-fatt li nhar is-Sibt, l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna żar il-bastiment Lifeline maqbud Malta.

More in Politika