Aktar min-nofs miljun passiġġier jaqsmu lejn Għawdex għall-Milied

Dan ifisser li kien hemm żieda ta’ 8% fuq in-numru ta’ passiġieri u żieda ta’ 11% fil-vetturi li qasmu il-fliegu

Il-programm‘Il-Milied f’Ghawdex’ ġie fi tmiemu lbieraħ bil-wasla tat-Tliet Slaten Maġi f’Betlehem f’Għajnsielem u jidher li kien perjodu tajjeb ħafna għan-negozju fil-gżira Għawdxija.

Minn statistika maħruġa mill-Gozo Channel, jirriżulta li matul ix-xahar ta’ Diċembru 2018 sas-6 ta’ Jannar 2019, qasmu b’kollox 501,907, passiggier u 156,343 vettura kkomparat ma’ 464,837 passiggier u 141,349 vettura li qasmu l-fliegu f’dan l-istess perjodu s-sena l-oħra.

Dan ifisser li kien hemm żieda ta’ 8% fuq in-numru ta’ passiġieri u żieda ta’ 11% fil-vetturi li qasmu il-fliegu.

L-aktar ġurnata traffikuża kienet il-Ħadd, 30 ta’ Diċembru 2018 fejn qasmu b’kollox 25,186 passiġier u 5,670 vettura fuq 76 vjaġġ li operat il-kumpanija Gozo Channel.  

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana laqgħet dawn iċ-ċifri u qalet kif dan l-influss u żieda fin-numri mhix kumbinazzjoni imma grazzi għall-ħidma tal-Ministeru li għaraf itella’ programm vast matul dawn il-jiem.

Hija  stqarret li s-sidien ta’ stabbilimenti u ristoranti kienu ferm sodisfatti u faħħru l-mod strutturat u maħsub ta’ kif ġie maħdum il-programm.

Kompliet tgħid li fil-jiem u xhur li ġejjin, f’Għawdex se jiġu organizzati aktar avvenimenti kulturali ta’ livell bil-programm diġà ġie varat u jinsab disponibbli fis-sit visitgozo.com

Il-Kap Eżekuttiv tal-Gozo Tourism Association Joe Muscat qal li n-numru ta’ viżitaturi f’Għawdex kien wieħed evidenti bil-lukandi Għawdxin jirrappurtaw domanda tajba ħafna ghall-akkommodazzjoni, filwaqt li anke l-farmhouses irrappurtaw li kellhom okkupanza tajba b’mod speċjali fil-weekend tal-aħħar tas-sena.

Joe Borg, f’isem il-Gozo Business Chamber, sostna li l-kampanja ‘Il-Milied f’Għawdex’ l-aspettativi tagħha u stqarr li l-fatt Għawdex ġie rreklamat bħala l-post ideali biex persuna tgawdi dawn il-jiem ta’ festiżgur li kellha impatt pożittiv.

More in Politika