‘Inressqu ismijiet għal President meta nkunu konvinti li mhux kollox diġà moħmi’

Il-Kap tal-Partit Demokratiku jgħid mal-gazzetta ILLUM li mhux se jipproponu persuni għall-President sakemm ikunu ċerti li l-proċess tal-għażla jkun wieħed serju

Godfrey Farrugia, Kap tal-PD
Godfrey Farrugia, Kap tal-PD

Il-Kap tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia qal mal-gazzetta ILLUM li mhux se jkunu qed jagħtu proposti ta’ ismijiet għall-President li jmiss sakemm il-PD ikun konvint li l-proċess ta’ għażla jkun wieħed serju.

Issa li bdiet is-sena l-ġdida, apparti l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropej f’Mejju li ġej, diġà bdew jissemmew diversi ismijiet għal min jista’ jkun il-President il-ġdid hekk kif it-terminu ta’ Marie-Louise Coleiro Preca jintemm f’April li ġej.

Hekk kif din il-ġimgħa, il-Partit Demokratiku appella biex il-President il-ġdid ikun elett bil-vot ta’ żewġ terzi tal-Parlament, il-gazzetta ILLUM staqsiet lil Farrugia jekk għandhomx xi ismijiet partikolari li jixtiequ li jkunu kkunsidrati u li se jkunu qed iressqu ’l quddiem.

Madanakollu, fit-tweġiba tiegħu, Godfrey Farrugia saħaq li l-PD mhux se jagħti proposti ta’ ismijiet qabel ikun konvint li mhux diġà kollox huma moħmi minn qabel.

Sorsi fil-Partit Laburista, li fis-16 ta’ Diċembru tkellmu ma’ din il-gazzetta, kienu qalu illi kollox jindika li l-President tar-Repubblika l-ġdid se jkun Evarist Bartolo. Madanakollu, din il-ġimgħa, reġa' beda jinstema wkoll l-isem ta' George Vella, anke jekk sorsi li kienu tkellmu mal-ILLUM insistew li Vella baqa’ jirrifjuta li jaċċetta t-talba li jkun President tar-Repubblika 

Mistoqsi jekk għandhomx f’moħħhom xi ismijiet, mal-ILLUM Farrugia insista li l-President għandu jkun xi ħadd maqbul mill-Parlament kollu, ikun xi ħadd li kapaċi jgħaqqad il-poplu u persuna ta’ mertu, integrità u ta’ kapaċità.

Mistoqsi jekk hux qed jikkunsidraw li jimbottaw ’il quddiem lil xi ħadd barra mill-politika, Farrugia insista li sakemm dawn il-punti ma jkunux sodisfanti, il-PD mhux se jagħti proposti ta’ ismijiet.

Il-PD jappella għal emenda Kostituzzjonali qabel April

Intant, nhar il-Ħamis li għadda, il-Partit Demokratiku appella biex qabel jintemm it-terminu ta’ Coleiro Preca, għandha ssir emenda Kostituzzjonali bl-għan li l-President jinħatar b’żewġ terzi tal-vot Parlamentari.

Ippropona wkoll li l-President li jmiss ikollu miegħu Kunsill tal-Istat, jiġifieri kunsill ta’ esperti li jagħtih pariri imparzjali bl-għan li jkun jista’ jħares, jipproteġi u jiddefendi l-Kostituzzjoni.

“Il-President tar-Repubblika għandha tkun figura li tgħaqqad u tiġi appuntata fl-interess nazzjonali u mhux fl-interess tal-partit fil-Gvern,” qal Farrugia.

It-terminu ta' Marie-Louise Coleiro Preca jintemm f'April li ġej
It-terminu ta' Marie-Louise Coleiro Preca jintemm f'April li ġej

U l-Kummissjoni Venezja x’kienet qalet?

Il-proposti tal-Partit Demokratiku jirriflettu r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja li hi tal-opinjoni li l-President ta’ Malta jkun elett b’maġġoranza kkwalifikata tal-Parlament u mhux b’maġġoranza sempliċi.

L-esperti legali kienu pproponew ukoll li maġġoranza kkwalifikata għandha tkun neċessarja biex jitneħħa jew titneħħa l-President.

Fi kliem il-Kummissjoni konsultattiva tal-Kunsill tal-Ewropa, din u rakkomandazzjonijiet oħra jgħinu biex l-Uffiċċju tal-President ikun wieħed mill-atturi f’sistema ta’ “bilanċ u kontrolli,” jiġifieri sistema li tiskrutinizza u tistaqsi d-deċiżjonijiet tal-Gvern, partikolarment dawk tal-Prim Ministru.

Fil-fatt, din il-Kummissjoni kienet irrakkomandat li l-President ma jibqax jaġixxi biss fuq il-parir tal-Prim Ministru, b’mod partikolari fejn jidħlu ħatriet importanti.

Fost affarijiet oħra, ir-rapport jagħti attenzjoni partikolari lill-ħatriet fil-ġudikatura. L-esperti legali jisħqu li l-Kumitat għall-Ħatriet fil-Ġudikatura għandu jkun unikament responsabbli minn dawn il-ħatriet, inkluż il-kariga importanti tal-Prim Imħallef u jkun dan l-istess Kumitat li jipproponi l-ismijiet tal-kandidati direttament lill-President

Ugo Mifsud Bonnici kien qabel?

Dwar dawn il-proposti, il-gazzetta ILLUM kienet tkellmet mal-President Emeritu Ugo Mifsud Bonnici li kien saħaq li l-President għandu biżżejjed poteri biex jeżerċita bilanċ.

Mistoqsi dwar il-mod kif jinħatar il-President, Mifsud Bonnici kien saħaq li l-maġġoranza għandha tfittex ftehim ma’, jew kunsens mill-Oppożizzjoni. Dwar l-elezzjoni b’maġġoranza kkwalifikata, il-President Emeritu kien saħaq li “ġieli ġara li biex tintlaħaq ikun hemm jew trattattivi li ma jixirqux, jew telf ta’ żmien u kriżi.”

Madanakollu, kien qabel mal-Kummissjoni Venezja li biex President jitneħħa, għandu jkun hemm maġġoranza kkwalifikata.

More in Politika