Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Analiżi | Muscat u Delia; l-2019 tista’ tfisser it-tmiem ta’ wieħed minnhom

L-aktar data politika importanti din is-sena se tkun il-25 ta’ Mejju, il-jum tal-elezzjoni tal-MEPs. Din l-elezzjoni se tiddetermina l-futur politiku ta’ bosta nies, tal-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni żgur. L-ILLUM tanalizza x-xenarji politiċi li jista’ jkollna matul l-2019

Albert Gauci Cunningham / 9 ta' Jannar 2019 09:17
Bdiet sena ġdida, l-2019. Sena illi fuq il-front lokali politiku mistennija tkun ħafna iktar ‘ħajja’ hekk kif fil-25 ta’ Mejju jsiru żewġ elezzjonijet fuq bażi nazzjonali; l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali illi din is-sena, għall-ewwel darba, se tkopri l-lokalitajiet kollha tal-pajjiż f’daqqa. Dan ifisser illi l-ġimgħa ta’ wara l-25 ta’ Mejju se tkun iddominata l-ewwel bir-riżultat tal-elezzjoni li teleġġi l-MEPs u allura l-aktar elezzjoni mistennija, imbagħad ir-riżultat tal-elezzjoni għall-Kunsilli Lokali.

Dawn l-elezzjonijiet, flimkien mal-għeluq tat-terminu tal-President tar-Repubblika u tal-Kummissarju Ewropew kif ukoll numru ta’ każi u inkjesti/investigazzjonijiet mistennija jiddominaw l-2019.

L-ILLUM tanalizza dawk ix-xenarji li l-aktar illi huma probabbli u dawk li mhumiex għall-2019, meta wieħed jikkunsidra s-sitwazzjoni fil-preżent.

Adrian Delia: Se nibdew minn Adrian Delia għaliex huwa l-aktar politiku li bħalissa qed ikun diskuss. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista bħalissa jinsab taħt pressjoni enormi wara allegazzjonijiet ta’ vjolenza domestika minn dik li se tkun l-eks martu Nickie Vella De Fremaux. Wieħed jista’ jargumenta dwar l-iskop u anke l-mod kif inxtered awdjo madwar il-pajjiż kollu fuq il-midja soċjali, ħafna oħrajn jargumentaw dwar il-privatezza tal-familja. Anke jekk għal mument ninsew li l-vjolenza domestika hija att kriminali u kwistjoni pubblika u ninsew għall-fini ta’ din l-analiżi li s-sorsi ta’ ħafna minn din l-informazzjoni jistgħu jkunu persuni b’aġenda anti-Delia, dak li qed jiġri quddiemna qed jagħmel ħsara enormi lill-immaġini tal-Kap tal-PN.

Il-verità hija illi sakemm il-Qorti tiddeċiedi dwar l-allegazzjonijiet, jibqa’ d-dubju u allegazzjoni ssostanzjata fil-Qorti ta’ vjolenza domestika tkun bħal mannara li f’sekonda toqtol għalkollox il-karriera politika ta’ Delia.

Anke qabel biss inqatgħet din is-sentenza, il-ħsara hija ovvja. L-awdjo li nxtered fuq il-midja soċjali juri illi De Fremaux jew xi ħadd fir-residenza/post fejn seħħew l-argumenti, kien qed iżomm rekordings għall-intenzjoni li dawn jagħmlu ħsara massima fuq il-persuna ta’ Delia jew inkella jintużaw bħala xhieda kontrih. Dan jinstema’ jgħid ‘p**ta’ f’ħinijiet minnhom filwaqt li aktar tard jinstema’ jgħajjar lil De Freamux ‘injoranta’. Naturalment r-rekording jista’ jkun editjat. Jibqa’ fatt imma li dan inxtered ma’ mijiet jekk mhux eluf ta’ nies fil-PN u lil hinn minnu, għand nies li jsegwu l-politika u oħrajn li le. L-istorja kibret u ġġebbdet tant li anke nies jgħidu li ħalla lil uliedu bil-ġuħ kien hemm. Ma tafx kif; l-istorja tikber minn narratur għall-ieħor.

Il-ħsara li diġà saret lill-immaġini ta’ Delia diffiċli tkun ikkwantifikata, imma hija kbira żgur. Jekk vera huwa innoċenti kif qed jinsisti li hu huwa, fl-interess tiegħu illi s-smigħ jibda llum, ħafna qabel għada.

Xenarju ħafna iktar diffiċli għall-elezzjonijiet tal-MEPs

Jekk iwassal sal-elezzjoni tal-Parlament is-saħħa tiegħu terġa’ tiġi eżaminata, din id-darba mill-poplu. Issa li qam dan il-każ tas-separazzjoni se tkun ħafna iktar diffiċli li Delia jirreżisti l-għajta għar-riżenja tiegħu jekk id-distakk bejn iż-żewġ partiti jikber.

Din il-gazzetta diġà analizzat xi jkun l-aħjar u l-agħar riżultat f’Mejju għall-PN. L-aħjar u allura riżultat li jsaħħaħ lil Delia jkun tnaqqis tad-distakk għal madwar 15,000-17,000 vot, vantaġġ għall-Partit Laburista. L-agħar xenarju huwa li jiżdied id-distakk, anke jekk jiżdied b’500 vot biss.

Distakk ikbar ifisser li s-swaba’ kollha jippuntaw lejn Delia bħala Kap u l-probabilità hija li jekk is-sentenza fil-każ ta’ separazzjoni ma tkunx inqatgħet jerġa’ jitqajjem dan l-ispettru.

L-2019 għalhekk se tkun sena kruċjali għal Delia, li jista’ jissaħħaħ però jista’ wkoll jisparixxi mix-xenarju politiku.

Dawk li jistgħu jitilgħu, jekk Delia jinżel...

Jekk iseħħ it-tieni xenarju u allura jinżel Delia, tibda tiġrija oħra fil-PN. Din id-darba l-Kunsillieri u t-tesserati jkollhom jibdew ifittxu lil xi ħadd biex litteralment ‘isalva’ lill-partit mill-abbissi.

Dawk li l-aktar illi jidher li jista’ jkunu fuq quddiem sa issa huma li ġejjin; Beppe Fenech Adami, li għandu esperjenza kbira fil-partit, għandu l-appoġġ ta’ ħafna mill-grupp parlamentari, huwa meqjus bħala persuna li se tiġġieled lill-Partit Laburista ‘head on’ u huwa iben Eddie Fenech Adami. Imbagħad għandek lil Claudio Grech u lil Roberta Metsola, it-tnejn kienu mistennijin ikunu kandidati għat-tmexxija tal-partit fl-2017. Għal raġuni jew oħra dawn baqgħu lura, għalkemm wieħed jifhem li huma t-tnejn kandidati eleġibbli, b’esperjenza u immaġini iktar moderata minn dik ta’ Fenech Adami.

Hemm ukoll, minn barra, l-Avukat Bernard Grech. Bħal Fenech Adami, Grech għandu kapaċità tajba li jitkellem u jippreżenta argument u għandu numru dejjem ta’ segwaċi li dejjem qed jikber. Tfittxija sempliċi fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu turi numru ta’ nies li apparti li qed jifirħu lil dan l-avukat minn Birżebbuġa, qed iħeġġuh biex jersaq ’il quddiem għat-tmexxija tal-partit.

Grech għandu l-iżvantaġġ illi għadu ġdid u persuna minn barra u allura jista’ jkun li jekk Delia jinżel, il-Kunsillieri u t-tesserati ma tantx ikunu fl-aptit għal persuna oħra “minn barra”. Min-naħa l-oħra Grech jista’ jkun dak il-fattur li jgħaqqad iż-żewġ fazzjonijiet (pro-Delia – anti-Delia) flimkien, xi ħaġa li fi-verità l-PN jeħtieġ jagħmel b’urġenza kbira.

Joseph Muscat: jitlaq jew jibqa’?

Din is-sena hija kruċjali għal Muscat ukoll. Fiha jista’ jiddeċiedi li jitlaq jew jibqa’. Sors li tkellem ma’ din il-gazzetta qal li Muscat kien qal lill-Kabinett tiegħu li jrid jitlaq biżżejjed żmien wara l-elezzjoni ġenerali imma biżżejjed ’il bogħod minn oħra biex il-mexxej il-ġdid/a jkun jista’ jsib postu.

Dik tal-MEPs għalhekk tista’ tkun l-aħħar elezzjoni ta’ Muscat bħala Mexxej Laburista.

Muscat ilu jġib maġġoranzi straordinarji minn meta kien elett. Mill-2009, Muscat qatt ma kiseb maġġoranza ta’ inqas minn 30,000 vot f’kull elezzjoni fuq bażi nazzjonali. Fl-aħħar elezzjoni l-PL ġab kważi 40,000 vot maġġoranza jekk taqta’ l-voti tal-Partit Demokratiku minn dawk tal-PN. Il-probabilità hija li Muscat irid itemm il-karriera tiegħu ‘on a high’ u jerġa’ jirbaħ b’maġġoranza storika.

Dan ix-xenarju qed jidher dejjem iktar realistiku. Qed juruh is-sondaġġi illi minkejja li indikaw titjib għal Delia, għadhom qed juru lill-PN lura ħafna f’termini ta’ intenzjoni tal-vot u qed tindikah ukoll is-sitwazzjoni interna tal-PN, li ħżienet sew mill-aħħar elezzjoni. Jiġifieri rebħa ikbar għal Muscat mhux se tkun xi ħaġa ta’ barra minn hawn, anzi hija probabbilità.

Il-Panama tibqa’ tiġri warajh...

Dan ix-xenarju ta’ rebħ mhux qed jikkunsidra żvolta drammatika fil-kwistjoni tal-Panama li baqgħet l-akbar uġigħ ta’ ras għal Muscat u l-Gvern Laburista.

Matul l-2018 inkixfu pagamenti li saru fil-kumpanija 17 Black, target client ta’ żewġ kumpaniji fil-Panama li kienu fetħu Konrad Mizzi u Keith Schembri u aktar tard kien żvelat ukoll is-sid. Is-sid ta’ 17 Black, Yorgen Fenech huwa Direttur tal-kumpanija Electrogas li bniet u qed tmexxi l-Power Station.

F’dan it-trijangolu għad hemm biċċa barra, jiġifieri ta’ min hija l-kumpanija Macbridge illi hija mdaħħla fil-moviment ta’ flus mill-Ażerbajġan u l-aġent tal-LNG f’Malta għal kumpaniji miftuħin fil-Panama ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Jekk ikun żvelat ta’ min hija din il-kumpanija, iċ-ċirku jgħaqad u jkun ħafna aktar ċar min kien imdaħħal u min le, fil-kwistjoni kollha. Din tista’ tkompli tagħmel pressjoni kbira fuq Muscat biex jagħmel dak li jidher li ma jridx jew ma jistax jagħmel fil-konfront ta’ dawn it-tnejn.

L-2019 tista’ tkun is-sena illi fiha jkollna l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni kriminali fuq 17 Black u allura fuq Schembri u Mizzi, inkjesta oħra li tista’ ttappan mhux ftit lil Muscat u l-Gvern tiegħu jekk imqar titfa’ dubju illi l-€1.4 miljun f’17 Black kienu definittivament sejrin fiż-żewġ kumpaniji u li wara kollox 17 Black kienet target client ta’ dawn it-tnejn biss.

Il-kwistjoni tal-Panama ilha mill-2015 tkun dik il-bastun fir-rota għal Muscat. L-2019 taf tkun deċiżiva dwar din il-kwistjoni li sfortunatament se tibqa’ mwaħħla fil-wirt ta’ Muscat bħala Prim Ministru.

Tul din is-sena wkoll mistenni jkompli jinstema’ l-każ li fetaħ il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fil-kwistjoni tal-kuntratt tal-VGH, kuntratt ieħor b’dell tqil u b’ħafna mistoqsijiet mhux imwieġba.

Jekk jinżel Muscat...

Jekk Muscat jiddeċiedi li jirreżenja fl-2019 (jew iħabbar li se jagħmel dan matul din is-sena) hemm numru ta’ nies li mistennijin igawdu sew f’dan ix-xenarju.

Miriam Dalli hija waħda mill-favoriti biex tieħu post Muscat. Diġà qed tkun ippożizzjonata biex tkun l-aktar kandidata li ġġib voti fl-elezzjoni tal-MEPs. Jekk Dalli tikseb ammont kbir ta’ voti tkun allura ngħatat vot qawwi ta’ kunfidenza mil-Laburisti stess wara kampanja personali li tagħtiha immaġini b’saħħitha u vantaġġ fuq kandidati oħrajn.

Jekk Muscat jiddeċiedi li jitlaq iżda hemm ukoll il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne li huwa favorit. Minkejja li m’għandux l-immaġini ta’ Dalli, Fearne huwa politiku li jaf jikkampanja u jaf jindirizza l-bżonnijiet diretti tad-delegati u tesserati. Għandu l-vantaġġ ta’ wieħed mill-akbar Ministeri u għandu l-vantaġġ ukoll li huwa Deputat Prim  Ministru u allura din is-sena deher ħafna drabi minflok il-Prim Ministru. Fosthom meta ntalab li jsir dibattitu dwar 17 Black fil-Parlament mill-Oppożizzjoni, fl-Istrina u anke waqt Rockestra. Minn ritratti li jtellgħu diġà jidher li qed jorganizza attivitajiet u (forsi mhux b’kumbinazzjoni) diġà spiċċa fuq l-ewwel paġna tal-Orizzont ġimagħtejn ilu. Fuq il-front nazzjonali Fearne mistenni jkompli jimbotta ċerti proġetti u jittama li Muscat ikollu biżżejjed safar fl-2019 biex jeħodlu postu hu bħala Deputat PM kemm jista’ jkun drabi.

B’Fearne Prim Ministru, il-futur ta’ ċerti nies fil-Gvern, primarjament il-kompetitur dirett tiegħu fuq id-distrett (Konrad Mizzi) jista’ jkun xi ftit jew wisq imdendel.

Qed jissemmew ukoll l-ismijiet ta’ Ian Borg u Robert Abela, b’dak tal-ewwel iktar probabbli mit-tieni. Kif fakkarna nhar il-Ħadd li għadda Borg kien l-aktar Ministru popolari fl-aħħar kwart tas-sena l-oħra u allura dan jgħin. Fl-aħħar sena mexxa wieħed mill-aktar Ministeri ffukati, effettivi u li kienu qed iħallu frott li jidher minn kulħadd, apparti l-Ministeru tal-Finanzi. Dan ipoġġi lil Borg f’pożizzjoni tajba, għalkemm mhux ċar jekk għandux appoġġ biżżejjed fi ħdan il-partit.

Dwar Abela ftit huwa magħruf għalkemm s’issa ma jidhirx illi qed ikun wisq fuq quddiem. Nistennew u naraw!

Il-Partit Laburista mingħajr Muscat

Jekk fl-2019 Muscat jirreżenja jew iħabbar ir-riżenja tiegħu, il-Partit Laburista jkun daħal f’territorju ġdid. L-aspettattiva hija għolja u PM li ma jilħaqx l-aspettattivi, li ma jkunx popolari daqs Muscat u speċjalment PM li jmexxi lill-pajjiż fi klima ekonomika mhix tajba daqs bħalissa ma tantx se jkollu futur b’saħħtu.

Fil-fatt mill-1982 kull mexxej li kien elett wara mexxej ikkunsidrat bħala ‘ġgant’ dejjem bata u baqa’ taħt id-dell tal-predeċessur. Karmenu Mifsud Bonnici, taħt id-dell ta’ Mintoff u Lawrence Gonzi taħt ta’ Eddie Fenech Adami. Dan ifisser illi Mexxej Laburista ġdid se jkollu ħafna aspettattiva x’jilħaq u ħafna x’jaħdem.

Il-Partit Demokratiku: kif se jmur waħdu?

Il-Partit Demokratiku huwa partit żgħir u għad għandu biss sena. F’sena biddel il-kap tliet darbiet. Għalkemm numru ta’ nies issieħbu ma’ dan il-partit, ftit minnhom kompletament ġodda fix-xena politika (Anthony Buttigieg, Timothy Alden, Martin Cauchi Inglott...) jibqa’ ddominat mill-koppja Marlene u Godfrey Farrugia.

L-2019 se tkun kruċjali għall-Partit Demokratiku għal numru ta’ raġunijiet. L-ewwel nett, il-PD qiegħed fl-aħjar pożizzjoni biex jibda  jiekol mill-eluf ta’ voti Nazzjonalisti li mhuma kuntenti xejn bit-tmexxija ta’ Adrian Delia, jiġifieri jista’ jiġbor fih numru ġmielu ta’ voti minn nies li bħalissa jħossuhom diżillużi ferm bil-PN u li qed jgħidu fis-sondaġġi li mhux se jivvutaw.

It-tieni, biex jagħmel dan il-PD irid ikollu varjetà tajba ta’ kandidati li huma ġodda però wkoll kandidati ta’ ċertu ‘toqol’ politiku. Dan ifisser persuna/i li jappellaw direttament lil dan is-settur ta’ Nazzjonalisti, primarjament dawk il-mijiet li jattendu attivitajiet relatati mal-qtil u l-ħidma ta’ Daphne Caruana Galizia.

Dan se jkun test importanti għall-PD, li għall-ewwel darba qed jikkontesta elezzjoni waħdu u mhux f’koalizzjoni ma’ partit ikbar. Dan ifisser li l-PD issa mhux se jkollu l-pjattaforma li kellu fl-2017.

Jekk minkejja dan il-fatt il-PD xorta jirnexxilu jġib ammont rispettabbli ta’ voti, li jkun madwar jew jaqbeż l-10,000, ikun kiseb riżultat tajjeb.

Jekk iżda jmur ħażin u jġib biss ftit eluf (3,000-4,000) vot jieħu daqqa tajba u jkun sinjal ta’ futur inċert għal Marlene u Godfrey Farrugia bħala Deputati.

President u Kummissarju: x’se jsir minnhom?

Fl-2019, jispiċċa t-terminu tal-Presidet Marie Louise Coleiro Preca u l-Kummissarju Ewropew.

Jekk il-PM ma jiddeċiedix li jġedded it-terminu ta’ Coleiro Preca (u m’hemm xejn fil-Kostituzzjoni li tgħid li ma jistax – L-ILLUM kienet irrapportat) Coleiro Preca ma tibqax President.

Apparti l-kandidati favoriti għall-ogħla kariga kostituzzjonali, l-2019 taf tfisser allura li Coleiro Preca ma tibqax daqstant rilevanti fix-xena politiko-soċjali, għalkemm tibqa’ taħdem permezz ta’ xi Għaqda mhux Governattiva favur grupp ta’ persuni iktar vulnerabbli. Kull min huwa qrib tagħha jgħid li hi ma tixtieqx tirtira daqstant kmieni u allura jkun interessanti naraw l-2019 x’se toffri għal dik li se tkun President Emeritus.

Xenarju ieħor, għalkemm jidher li ftit huwa realistiku, huwa li Coleiro Preca toħroġ għall-elezzjoni tal-MEPs. Fil-każ li tagħmel dan iżda, il-probabbilità kbira hija li fl-2019 il-President tar-Repubblika ssir MEP, għal darb’oħra kif għidna u kif irrappurtat l-ILLUM fl-2017, xenarju ftit li xejn realistiku.

 Fl-2019 ukoll se jagħlaq it-terminu ta’ Karmenu Vella bħala Kummissarju Ewropew. Din il-bidla mhux mistennija tqajjem wisq trombi politiċi, għalkemm tista’ tkun parti minn re-shuffle li hemm ċans li naraw fl-2019 marbuta mal-ħatra ta’ President illi għaliha l-favorit sal-aħħar tas-sena l-oħra kien Evarist Bartolo.

Il-futur ta’ Vella mhux ċar, għalkemm huwa iktar interessanti x’se jkun il-futur tal-persuna li se tieħu post Vella. Il-gazzetta ILLUM irrappurtat illi kandidata possibbli għal din il-kariga tista’ tkun Helena Dalli.

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook