'Jien mhux se niċċaqlaq millimetru...mhu se nkun qatt kompliċi tat-traffikar uman' - Salvini

Salvini jinsisti li mhux se jċedi u li mhux se jaċċetta mqar wieħed mill-immigranti li ilhom jiem jistennew bejn sema u ilma

Id-Deputat Prim Ministru Taljan Matteo Salvini, f’filmat fuq Facebook, iddikjara li hu se jżomm sod u mhux se jaċċetta li l-Italja tilqa’ wħud mill-immigranti li llum se jkunu għalqu 16-il ġurnata bejn sema u ilma jistennew port sigur fejn iniżżlu l-immigranti.

“Min jagħmel il-flus minn fuq dahar in-nies, mhux se jkollu qatt port Taljan,” iddikjara Matteo Salvini ftit sigħat wara l-appell tal-Papa Franġisku biex il-mexxejja Ewropej iħennu għal dawk l-immigranti.

Insista li kemm ilu Deputat Prim Ministru, aċċetta li fl-Italja jidħlu mijiet ta’ nisa u tfal li jkunu "verament" qed jaħarbu mill-gwerer f'pajjiżhom u jkunu għamlu dan permezz ta’ assoċjazzjonijiet serji.

“Iżda il-bqija daqshekk. Għat-traffikanti tal-bniedem, il-portijiet Taljani kienu, għadhom u se jibqgħu magħluqa,” insista Matteo Salvini. “Bis-saħħa ta’ dan it-traffikar, it-traffikanti qed jixtru armi u droga u jiem mhux se nkun kompliċi f’dan.”

Kien hawn li akkuża lil Sea Watch li ma obdewx l-istruzzjonijiet li ngħataw u kien għalhekk li akkużahom li qed ikunu kompliċi f’dan it-traffikar.

“It-traffikanti għandhom jew ibiddlu xogħolhom jew il-pjaneta u min hu kompliċi magħhom mhu se jkollu qatt is-sostenn tiegħu,” iddikjara d-Deputat Prim Ministru. "Jien mhux se niċċaqlaq millimetru."

Ma naqasx ukoll milli jattakka wkoll lil dawn is-Sindki Taljani li qed jeħduha kontra l-pożizzjoni tiegħu. "Ma tistħux," qalilhom Salvini waqt li insista li l-ewwel solidarjetà għandha tkun mal-miljuni ta' Taljani li huma fil-faqar.

 

Salvini għamel din id-dikjarazzjoni wkoll ftit wara l-pożizzjoni soda li ħa l-Prim Ministru Joseph Muscat meta f’intervista fuq One Radio,  insista li mhux se jippermetti li Malta tispiċċa ċ-ċentru fil-Mediterran tal-immigranti li jkunu salvati mill-NGOs umanitarji u li l-ebda pajjiż ieħor ma jkun iridhom.

Saħaq li hija r-responabbilita tiegħu li jassigura li ma joħloqx preċedent billi jaċċetta li jieħu d-49 immigrant.

“Il-Gvern irid isib bilanċ bejn li jissalvagwardja l-ħajja tal-persuni u ma jpoġġix lil Malta u s-sigurtà tagħha taħt theddida,” insista Muscat.

Muscat qal dan ftit tal-ħin wara batibekk bejn il-Gvern Malti u d-Deputat Prim Ministru Taljan Luigi di Maio li attakka lil Malta u insista li qed tagħti dahra lill-immigranti li ilhom ħmistax fuq il-baħar.

Malta weġbitu billi fakkritu li l-immigranti kienu salvati ‘l barra miż-żona tat-tiftix u s-salvataġġ ta’ Malta, tant li s-salvataġġ ta’ dawn l-immigranti seħħ aktar viċin tal-Italja milli ta’ Malta u l-bastiment resaq lejn Malta meta l-Gvern Taljan irrifjuta li jaċċettahom.

Intant, din il-ġimgħa, l-Isqfijiet Malti bagħtu ittra lill-Isqfijiet Ewropej, jitolbuhom l-appoġġ biex flimkien jitolbu lill-Istati biex joffru kenn lid-49 immigrant.

Ġurnata qabel, 'il fuq minn 300 akkademiku minn diversi universitajiet, inkluż dik Maltija, appellaw lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex jingħaqdu flimkien, jgħinu lil dawn l-għaqdiet u lill-bastimenti tagħhom u jiftħu l-portijiet biex l-immigranti jintiżżlu f'port sigur.

Saħqu li s-sitwazzjoni li jinsabu fiha dawn il-persuna hija inumana u hemm bżonn azzjoni immedjata.

More in Politika