Pierre Portelli joħroġ għonqu għal Delia; 'ħadd aħjar minnu biex imexxi l-partit'

Jgħid illi mhux minnu 'dak li qed jitrewwaħ minn min qed jinqeda bis-sitwazzjoni personali tiegħu'

Pierre Portelli, Kap Eżekuttiv tal-midja tal-PN
Pierre Portelli, Kap Eżekuttiv tal-midja tal-PN

Pierre Portelli, il-Kap Eżekuttiv tal-midja tal-Partit Nazzjonalista ħareġ għonqu għal Adrian Delia hekk kif matul il-jum komplew iduru diversi filmati u awdjo tal-istess Delia f'argumenti privati ma' martu jew t-tfal tiegħu. 

Fi status li kiteb fuq il-paġna ta' Facebook tiegħu huwa qal li ma jara lil ħadd aħjar minn Delia biex imexxi lill-Partit Nazzjonalista. Portelli kien appuntat f'dij il-kariga minn Delia wara li l-eks Editur ta' The Malta Independent mexxa l-kampanja ta' Adrian Delia għal Kap ġdid tal-PN. 

"Dwar il-kwistjoni personali ma rrid ngħid xejn, mhux għax ma nafx iżda għax se nirrispetta l-privatezza tal-familja bħalma għamilt fil-każ tal-mexxejja l-oħra taż-żewġ partiti," sostna Portelli. "Ngħid biss li mhux minnu dak li qed jitrewwah minn min qed jipprova jinqeda b'din is-sitwazzjoni personali biex jagħti l-impressjoni li dan għandu piż fuq it-tmexxija tiegħu. Hu u għaddej mis-sitwazzjoni familjari Adrian baqa' voċiferu u ffukat fuq l-issues importanti li qed jiffaċċja pajjiżna."

Portelli sostna li l-PN hu l-partit ta’ kulħadd "u f’moħħi m’għandi lil ħadd aħjar minn Adrian Delia li jista jmexxi dan il-partit li jirrappreżenta s-saffi kollha tas-soċjeta."

Portelli sostna illi l-partit mhuwiex biss il-Kap, "il-PN mhuwiex l-erba' bloggers li jridu ċens fuq il-partit b’mod esklussiv."

'Għandna nirrispettaw il-privatezza tal-familja tal-Kap tal-Oppożizzjoni'

Intant anke Kristy Debono, l-President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, sostniet illi fl-aħħar ġimgħat "konna xhieda ta' materja personali tispiċċa wżata għall-interessi individwali.. 

"Jiena nemmen illi għandna nirrispettaw il-privatezza tal-Kap tal-Oppożizzjoni u l-familja tiegħu f'din is-sitwazzjoni diffiċli, filwaqt li nħallu ħin lill-Qorti tiddeċiedi." 

Hija qalet illi t-tixrid ta' filmati mhuwiex fl-aħjar interess tal-familja. 

 

More in Politika