L-Olanda lesta tieħu wħud mill-immigranti li ilhom jiem bejn sema u ilma

...iżda tistenna li pajjiżi oħra jagħmlu l-istess u jaqsmu l-piż bejniethom

Ritratt | Arkivji
Ritratt | Arkivji

L-Olanda ħabbret li lesta tieħu wħud mill-immigranti li ilhom 13-il ġurnata jistennew bejn sema u ilma abbord żewġ bastimenti li salvawhom fit-22 ta’ Diċembru li għadda.

Il-Gvern Olandiż ħabbar li lest jilqa’ dawn l-immigranti jekk pajjiżi oħra jagħmlu l-istess u jerfgħu biċċa mill-piż.

Ilbieraħ, Malta tat permess biex iż-żewġ bastimenti Sea-Watch 3 u l-Professor Albrecht Penck, jidħlu għall-kenn fl-ibħra territorjali Maltin minħabba l-maltemp, anke jekk ma tħallewx jidħlu fil-portijiet.

Il-bastiment Sea-Watch 3 għandu fuqu 32 immigrant, filwaqt li l-bastiment l-ieħor għandu fuqu 17-il immigrant.

Għall-bidu, l-Olanda, kienet mal-Italja, Malta u Spanja fil-pożizzjoni tagħhom li ma jaċċettawx dawn l-immigranti

Intant, ilbieraħ 'il fuq minn 300 akkademiku minn diversi universitajiet, inkluż dik Maltija, appellaw lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex jingħaqdu flimkien, jgħinu lil dawn l-għaqdiet u lill-bastimenti tagħhom u jiftħu l-portijiet biex l-immigranti jintiżżlu f'port sigur.

Temmew jisħqu li s-sitwazzjoni li jinsabu fiha dawn il-persuna hija inumana u hemm bżonn azzjoni immedjata.

More in Politika