18-il għaqda jitolbu lill-Gvern jaċċetta f'pajjiżna 32 immigrant li jinsabu bejn sema u ilma

....jinsistu li apparti l-obbligi legali, pajjiżna għandu wkoll l-obbligi morali

"Hekk kif Malta u l-Ewropa kienu qed jiċċelebraw il-Milied 32 persuna kienu qegħdin fuq il-baħar, jistennew lil xi ħadd biex idaħħalhom. Il-verità traġika hija li l-ebda Stat Membru tal-Unjoni Ewropea ma daħal għal dawn ir-refuġjati. Din hija travestija tal-umanità." Hekk sostnew grupp ta' Għaqdiet mhux Governattivi (NGO) dwar il-fatt li numru ta' immigranti tħallew fuq il-baħar. 

Il-grupp ta' għaqdiet appellaw lill-gvern biex iħallu lin-nies li jinsabu bejn sema' u ilma biex jiġu Malta, anke jekk pajjiżna mhux legalment responsabbli li jagħmel dan.

"Pajjiżna, bħal kull stat Ewropew ieħor, għandu l-obbligu legali li joffri refuġju lil dawk li qed jaħarbu mill-persekuzzjoni."

Huma sostnew illi l-argument li dawn għandhom jerġgħu jmorru l-Libja huwa perikoluż għaliex hemmhekk dawn ikunu arrestati, ittorturati, stuprati u mibjugħin bħala skjavi, sostnew l-għaqdiet.

Fakkru wkoll illi l-obbligu ta' pajjiżna huwa morali wkoll, apparti l-obbligu legali.  

L-għaqdiet huma; aditus foundation, African Media Association, Allied Rainbow Communities, Christian Life Community (CLC) Malta, Cross Culture International Foundation (CCIF), Department for Inclusion and Access to Learning - Faculty of Education University of Malta, Integra Foundation, JRS Malta, Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, Malta Emigrants Commission, Malta LGBTIQ Rights Movement, People for Change Foundation, Platform of Human Rights Organisations in Malta (PHROM), Solidarity with Migrant Group, SOS Malta, Spark 15, The Critical Institute, Women’s Rights Foundation.

More in Politika