Nhar il-Ħadd li ġej il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija se jkun bla ħlas

L-esebiti ġewwa dan il-mużew ikopru żmien twil li jibda mill-Perjodu Neolitiku u jibqa’ sejjer sal-Perjodu Feniċju

Heritage Malta qiegħda tħabbar li nhar il-Ħadd, 23 ta’ Diċembru, il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta, se jkun miftuħ għall-pubbliku bla ħlas.

L-esebiti ġewwa dan il-mużew ikopru żmien twil li jibda mill-Perjodu Neolitiku (5,200 QK) u jibqa’ sejjer sal-Perjodu Feniċju (400 QK). Fost l-esebiti li jqajjmu l-aktar interess nistgħu nsemmu s-‘Sleeping Lady’ (li nstabet fl-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni), il-Venere ta’ Malta (minn Ħaġar Qim), is-sjuf tal-bronż (li ġew skoperti fis-saffi ta’ Żmien il-Bronż ġewwa t-Tempji ta’ Ħal Tarxien), il-pendent ta’ Horus u Anubis, u s-sarkofagu antropomorfiku, li t-tnejn jiddataw għall-Perjodu Feniċju.

Il-viżitaturi jistgħu jesploraw ukoll l-esebizzjoni temporanja Core and Periphery: Mdina and Safi in the 9th and 10th centuries li titfa’ dawl fuq il-Perjodu Medjevali f’Malta.

Fil-ħanut tal-mużew, wieħed isib ukoll għażla wiesgħa ta’ rigali sbieħ li huma ideali għal żmien il-Milied filwaqt li jservu wkoll biex jiġi sostnut il-wirt kulturali Malti.

Ħinijiet tal-ftuħ: mid-9.00am sas-6.00pm (l-aħħar dħul fil-5.30pm)

More in Politika