Il-Kaptan tal-Lifeline jgħid li 'hi obligazzjoni li ssalva nies f'diffikultà fil-baħar'

Claus-Peter Reisch qed ikun akkużat li kiser il-liġi meta salva immigranti u daħħalhom fl-ibħra Maltin

Claus-Peter Reisch, il-Kaptan tal-bastiment Lifeline saħaq fil-Qorti, li  'skont kull liġi marittima, hi obligazzjoni ta' kull Kaptan li ssalva nies f'diffikultà fil-baħar."

Il-kaptan qed ikun akkużat illi kiser il-liġi meta salva immigranti fuq din id-dgħajsa u daħħalhom, illegalment, fl-ibħra Maltin kif ukoll li kien qed juża dan il-bastiment biex iwettaq salvataġġ, meta kellu liċenzja ta' bastiment privat u għad-divertiment.

Fil-Qorti, Reisch qal ukoll li huwa qatt ma għamel kuntatt mal-awtoritajiet Taljani, Maltin jew Olandiżi fuq talbiet ta' reġistrazzjoni tal-bastiment. Sostna wkoll li l-awtoritajiet Maltin naqsu milli jistaqsuh għad-dokumentazzjoni tal-bastiment darbtejn, filwaqt li żied jgħid li kien propju l-għada li hu sar jaf li dawn id-dokumenti jinsabu taħt skrutinju mill-awtoritajiet ikonċernati.

Minkejja dan, fil-Qorti huwa qal li sal-ġurnata tal-lum għadu ma rċieva l-ebda ittra jew notifika li tindika li ċ-ċertifikat tal-bastiment huwa invalidu.

 Il-Gvern Malti qed jinsisti li  bastiment ma kienx irreġistrat kif suppost. F'okażżjoni separata, ir-Reġistratur Ġenerali tal-Bastimenti Merkantili fi Transport Malta, Ivan Sammut, kien saħaq li l-bastiment Lifeline kellu biss ċertifikazzjoni minn klabb tal-jottijiet fl-Olanda u dan bl-ebda mod ma jfisser li l-bastiment kien qed itajjar il-bandiera Olandiża, kif insista kemm-il darba l-ekwipaġġ.

Il-każ se jkompli jinstema' fil-11 ta’ Jannar.

More in Politika