Ftehim proviżorju dwar it-tnaqqis fl-emissjonijiet mill-karozzi ġodda fl-2030

Miriam Dalli bħala negozjaturi  insistiet li ma jkunx hemm mira inqas minn 37.5% għall-karozzi ġodda fl-2030

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew wasslu għal ftehim proviżorju dwar it-tnaqqis mill-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi u vannijiet żgħar u ġodda fl-2030, rapport li ħadmet fuqu u imbuttat ‘il quddiem l-Ewroparlamentari Miriam Dalli.

Miriam Dalli, bħala negozjatur, insistiet li ma jkunx hemm mira inqas minn 37.5% għall-karozzi ġodda fl-2030, meta mqabbla mal-proposta oriġinali ta’ 30% min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea.

Permezz ta’ proposta tal-Parlament Ewropew, għall-ewwel darba hemm obbligu biex il-Kummissjoni Ewropea ssegwi u tirrapporta data dwar il-konsum tal-fjuwil biex l-emissjonijet tas-CO2, kif ittestjati fil-laboratorju, ma jkunux differenti minn dak li realment qed joħroġ mill-karozzi fit-triq.

Kienu imposti wkoll miri aktar stretti fuq min ma jkunx konformi mar-regolamenti.

Il-leġiżlazzjoni titlob ukoll lill-Kummissjoni Ewropea biex tevalwa l-possibiltà li jinħoloq fond li jkun ta’ sostenn fit-tranżizzjoni lejn ekonomija li ma tagħmilx ħsara lill-klima u b'mod partikolari biex tappoġġja lill-ħaddiema fis-settur tal-manifattura tal-karozzi.

Min-naħa tagħha, Dalli saħqet li l-ftehim intlaħaq minkejja oppożizzjoni ħarxa mill-industrija tal-karozzi u ċertu Stati Membri.

"Issa li ntlaħaq ftehim proviżorju, inħares ‘il quddiem biex nara lill-Istati Membri jilleġiżlaw favur proposti iktar nodfa b’benefiċċju għall-konsumaturi u għall-industrija, li jissarrfu f’titjieb fis-saħħa u l-ambjent tagħna,” temmet tgħid Dalli.

More in Politika