Busuttil u Casa jitolbu li jkunu parti mill-Każ Kostituzzjonali miftuħ minn Mizzi

Konrad Mizzi qed jisħaq li nkisrulu d-drittijiet tiegħu għal smigħ xieraq fl-investigazzjoni dwar il-kumpaniji fil-Panama

L-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u l-Ewroparlamentari David Casa talbu li jkunu parti mill-Każ Kostituzzjonali miftuħ mill-Ministru Konrad Mizzi li qed jisħaq li nkisrulu d-drittijiet tiegħu għal smigħ xieraq fl-investigazzjoni dwar il-kumpaniji fil-Panama.

Mizzi huwa wieħed minn seba’ individwi, fosthom il-Prim Ministru Joseph Muscat li huwa parti minn din l-investigazzjoni ordnata mill-Maġistrat Ian Farrugia wara l-proċeduri li kien fetaħ il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.

Mizzi qed jisħaq li l-għan tal-proċess ġudizzjarju miftuħ mill-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil huwa sempliċiment li jitfa’ dell fuq l-integrità tiegħu.

Huwa akkuża lil Mizzi u lil Casa li meta kienu qed jitolbu li jinbidel l-Imħallef Antonio Mizzi, li kellu jisma l-appelli miftuħa mill-Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff Keith Schembri, il-Ministru Konrad Mizzi, Brian Tonna, Karl Cini, Malcolm Scerri u Adrian Hillman, kienu qed jippruvaw itawlu l-każ.

Fl-applikazzjoni tagħhom, kemm Busuttil u anke Casa qalu li semgħu bil-Każ Kostituzzjonali miftuħ minn Konrad Mizzi mill-midja, minkejja li huma għandhom interess dirett li jkunu parti mill-każ anke biex fi kliemhom, ikunu ċertu li Mizzi qed jagħti l-informazzjoni “korretta, sħiħa u veritiera.”

Huma saħqu li meta wieħed iħares lejn l-applikazzjoni ta’ Mizzi mill-ewwel jinduna li qed jipprova jiżgwida lill-Qorti.

Jidher li din it-talba se tkun diskussa quddiem l-Imħallef Robert Mangion nhar il-Ħamis.

More in Politika