Il-Kabinett Ingliż se jiddiskuti pjanijiet għal Brexit bla ftehim

Dan hekk kif qed tkompli tikber il-pressjoni fuq il-Prim Ministru May, 100 ġurnata biss qabel Brexit

Il-Kabinett Ingliż se jkun qed jiddiskuti jekk il-Gvern għandux jibda jipprepara biex iħalli l-Unjoni Ewropea mingħajr l-ebda ftehim mal-Unjoni Ewropea.

Dan hekk kif il-Prim Ministru Theresa May qalet li l-Parlament ma jistax jivvota dwar il-ftehim li laħqet mal-Unjoni Ewropea, qabel it-tielet ġimgħa ta’ Jannar.

Mitt jum qabel iseħħ Brexit, ħafna Membri Parlamentari għadhom qed jopponu għall-ftehim tal-Prim Ministru May.

Madanakollu, din hija xabla taqta’ miż-żewġ naħat hekk kif ħafna Membri Parlamentari ma jaqblux li jseħħ Brexit bla ftehim.

Intant, il-Kap tal-Oppożizzjoni Jeremy Corbyn ressaq mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Prim Ministru May, għax fi kliemu ħadet lir-Renju Unit fi “kriżi nazzjonali.”

Madanakollu, il-Gvern Ingliż saħaq li ma hemmx ċans li l-Parlament joqgħod jiddiskuti l-mozzjoni li ddeskriviha bħala “logħba politika bla sens.”

Il-ġimgħa li għaddiet, l-għada li pposponiet il-vot dwar il-ftehim, il-Prim Ministru May iffaċċjat mozzjoni ta’ sfiduċja fil-partit tagħha stess.

Anke jekk May rebħet, kwart tad-Deputati tagħha vvutaw kontra.

Minkejja li marret l-Unjoni Ewropea bil-għan li tmur lura bi ftehim aħjar, il-mexxejja Ewropej iddikjaraw li l-ftehim huwa dak li hu u lesti jagħtu biss aktar assigurazzjonijiet legali lill-Ingliżi.

Intant, il-Prim Ministru May spiċċat f’nofs ta’ batibekk mal-eks Prim Ministru Tony Blair li saħaq li għandu jkun hemm it-tieni referendum dwar Brexit.

More in Politika