Karreġġjata ġdida għat-triq li tgħaqqad l-Imtarfa, il-Mosta u l-Imġarr

Beda x-xogħol fuq il-bini ta' karreġġjata ġdida fi Triq Buqana li minnha jgħaddu kuljum mat-18,000 vettura

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg żar ix-xogħlijiet li għadhom kif bdew fi Triq Buqana, il-konnessjoni ewlenija bejn l-Imtarfa, il-Mosta u l-Imġarr u fost ir-rotot ewlenin għal min ikun sejjer lejn Għawdex

Il-Ministru Borg spjega kif din it-triq issofri minn konġestjoni kemm fil-ħinijiet peak ta’ filgħodu u wara nofsinhar kif ukoll fi tmiem il-ġimgħa u fil-festi, bi 18,000 vettura li jgħaddu minnha kuljum minħabba l-importanza tagħha fin-network tat-toroq Maltin.

Minħabba hekk kemm il-vetturi li jgħaddu minn hawn kif ukoll dawk kollha li jgħixu fil-lokalitajiet tal-inħawi jbatu biex joħorġu mill-irħula tagħhom minħabba t-traffiku li jinġema’, kompla jispjega l-Ministru.

“Il-Gvern ma jaqbilx ma’ politika ta’ karreġġjata waħda fit-toroq arterjali tagħna – dan il-mudell ma jaħdimx fin-network Malti u ninsabu impenjati li nikkoreġu kemm nistgħu minn dawn l-iżbalji għal infrastruttura li hija xierqa għall-andament tat-traffiku f’pajjiżna,” qal il-Ministru.

Minbarra wiċċ ġdid għall-korsiji eżistenti ta’ dan it-triq, il-proġett se jinkludi l-bini ta’ karreġġjata ġdida li tibda min-naħa tal-Imtarfa biex imbagħad tingħaqad mal-bqija tat-triq bħala korsija addizzjonali u l-vetturi jkunu jistgħu jivvjaġġaw b’inqas diffikultà.

Flimkien ma’ din il-korsija se ssir ukoll korsija ġdida għar-roti fl-istess direzzjoni b’tul ta’ 1.8 kilometri, u se jkun hemm sistema ta’ cycle priority lanes kemm fit-triq kif ukoll fir-roundabout li tinsab fit-tarf l-ieħor, jiġifieri fl-inħawi tal-Imġarr u l-Mosta.

Iż-żewġ roundabouts fit-truf ta’ dan it-triq se jkunu qegħdin jinbnew b’disinn ġdid u bħalma sar fi proġetti oħra, se jkunu qegħdin isiru bypass lanes.

Se ssir bypass lane biex wieħed ikun jista’ jibqa’ sejjer minn Triq Buqana lejn Triq Sir Temi Zammit fl-Imġarr mingħajr  ma jdur mar-roundabout, se ssir oħra biex minn din it-triq tal-Imġarr wieħed ikun jista’ jibqa’ sejjer lejn Triq Żejfa fil-Mosta, jiġifieri l-inħawi taż-Żokrija u t-tielet waħda li se tgħaqqad Triq San Pawl tal-Qliegħa fil-Mosta ma’ Triq Buqana fid-direzzjoni tal-Imtarfa.

Mal-ġnub tat-triq, fejn hemm bżonn se jsiru wkoll 1.8 kilometri ta’ ħitan tal-ġebel tas-sejjieħ ġodda. Il-proġett jinkludi wkoll il-bini mill-ġdid tal-pont ta’ Wied il-Qlejgħa (Chadwick Lakes) li minn fuqu tgħaddi din it-triq.

Fil-fażijiet li jmiss, Infrastructure Malta se tkun qed tagħmel ukoll xogħlijiet taħt il-livell tat-triq biex jinbidlu u jissaħħu s-sistemi tad-distribuzzjoni tal-elettriku, tal-ilma, tad-drenaġġ u tat-telekomunikazzjoni. Se jsiru wkoll pipes u sistemi ġodda għall-ġbir tal-ilma tax-xita li jinkludu l-bini ta’ ġibjun.

Infrastructure Malta se tinkludi wkoll arbli tad-dawl ġodda u central strip b’sistemi ta’ ħarsien u sigurtà f’każ ta’ inċidenti bejn il-karreġġjata lejn it-Tramuntana u dik lejn in-Nofsinhar.

Il-proġett ġie ppjanat f’diversi fażijiet biex jiġi limitat il-bżonn li tingħalaq it-triq sabiex ma jinħoloqx inkonvenjent bla bżonn għar-residenti u għall-utenti tat-triq.

Madankollu, meta jkun hemm il-bżonn li tingħalaq xi parti mit-triq se jkun hemm rotot alternattivi viċin u fejn hu meħtieġ se jsir xogħol bil-lejl ukoll.

More in Politika