Għaddi, il-bieb miftuħ... viża li tillegalizza d-dħul tal-immigranti

Il-ġimgħa li għaddiet, il-maġġoranza ta’ MEPs ivvutaw favur Viża Umanitarja. Imma din x’inhi? U għaliex il-Parlament Ewropew iħoss li hija pożittiva? L-ILLUM tagħti ħarsa lejn id-deċiżjoni tal-MEPS, inkluż dawk Maltin...

‘Għaddi l-bieb miftuħ!’ kien jgħid serje Maltija fis-snin 90 u huwa proprju dak li qed jipproponu l-maġġoranza tal-Membri Parlamentari Ewropej fil-qasam tal-immigrazzjoni. Dan minħabba li l-MEPs qed jipproponu li l-Unjoni Ewropea tiftaħ ir-rotot legali biex dawk l-immigranti li ġejjin minn pajjiżi illi fihom hemm riskji kbar.

Minkejja li f’pajjiżna ftit għamel ħoss, il-Parlament Ewropew din il-ġimgħa apparti li vvota favur il-viżas umanitarji għall-immigranti, liema proposta issa se tmur quddiem il-Kummissjoni Ewropea, ippubblika wkoll dokument illi fih sar studju estensiv dwar il-valur ta’ din il-viża fuq livell Ewropew.

L-ILLUM tat ħarsa lejn dan id-dokument voluminuż u qed tirriproduċi l-aktar punti saljenti biex il-qarrejja jifhmu aħjar x’inhi l-linja ta’ ħsieb tal-MEPs fuq suġġett li bħalissa jinsab fuq fomm ħafna Ewropej; l-immigrazzjoni.

Kif inhi s-sistema tiswa ħafna flus

Id-dokument jitratta dawk li jsemmi bħala l-impatti tas-sistema diretta mingħajr il-viżas proposti. Id-dokument ifakkar illi l-UE qed toħroġ spiża ta’ sigurtà u sorveljenza tal-fruntieri li jistma illi qed tiswa €416 miljun, spiża għas-sigurtà u fil-ġlieda kontra t-terroriżmu illi fuqha jistma li qed issir nefqa ta’ €13.6 biljun.

Id-dokument qed iħares ukoll lejn l-ispejjeż relatati mal-missjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ, l-ipproċessar ta’ applikazzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità li d-dokument jistma li hija spiża li tlaħħaq it-€30 biljun.

Fi ftit kliem din il-parti tar-rapport li sar mis-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) qed jieħu xenarju fejn l-immigranti li jkollhom fuq rashom theddid u riskji għal ħajjithom u meta jkunu ġejjin minn pajjiżi fejn id-drittijiet tagħhom se jkunu mkasbrin, jingħataw viża (jew ma jkollhomx bżonn viża). Dan ifisser, jekk l-immigranti jagħżlu din it-triq, ma jkunx hemm bżonn ta’ tiftix u salvataġġ u lanqas wisq sorveljanza tal-fruntieri, għax l-immigranti jibdew deħlin b’mod legali. Naturalment dan il-kunċett huwa faċli tiktbu, imma wieħed irid jara fil-prattika kif qatt tista’ taħdem proposta bħal din.

Imma d-dokument x’raġunijiet jagħti biex jidħlu dawn il-viżas? L-ewwel raġuni hija li kollox huwa skont il-valuri Ewropej hekk kif il-proċess ikun kollu ċenteralizzat u uniformi. Dan ifisser illi l-proposta qed tipproponi li d-dħul ta’ persuna tkun f’idejn awtorità ċentrali tal-Unjoni Ewropea.

Id-dokument jinsisti wkoll li l-introduzzjoni ta’ viżas ‘umanitarji’; ittejjeb il-fiduċja bejn l-istati membri, tagħti ċertezza legali u l-proċeduri jkunu aktar prevedibbli. Id-dokument jgħid ukoll illi l-viżas inaqqsu l-ispejjeż.

Finalment id-dokument tal-Parlment Ewropew jgħid illi l-għan prinċipali tal-viża huwa li jkunu stabbiliti l-kundizzjonijiet ta’ aċċess siġur għal ġoż-żona Shengen.

Tliet alternattivi...

Id-dokument tal-EPRS ta tliet għażliet, li minnhom intgħażlet il-viża.

L-ewwel nett is-sospensjoni tal-viża għal dawk li ġejjin minn pajjiżi fejn hemm riskju għal ħajjithom, it-tieni alternattiva hija viżas umanitarji u proċeduri legali li huma uniformi jew it-tielet li hija ċ-ċentralizzazzjoni sħiħa tad-deċiżjonijiet dwar distribuzzjoni tal-immigranti.

Skont dan id-dokument it-tieni u t-tielet alternattiva huma dawk li l-aktar li jaqblu għall-Unjoni Ewropea.

More in Politika