Il-President Franċiż jiffaċċja vot ta' sfiduċja

Tliet partiti jingħaqdu flimkien f'mozzjoni ta' sfiduċja kontra l-Gvern ta' Emmanuel Macron

Il-Gvern tal-President Franċiż Emmanuel Macron se jkun qiegħed jiffaċċja vot ta’ sfiduċja wara li partiti differenti għelbu d-differenzi ta’ bejniethom u resqu l-mozzjoni.

André Chassaigne mill-Partit Komunista, Olivier Faure mill-Partit Soċjalista u Jean-Luc Mélenchon il-fundatur ta’ La France Insoumise, partit populista tax-xellug estrem, flimkien ma’ 59 Deputat ieħor, ressqu din il-mozzjoni ta’ sfiduċja.

Huma qed jikkritikaw lill-Gvern Franċiż għal mod kif indirizza l-kriżi tal-protesti li ħakkmu l-Kapitali Franċiża u bliet oħra mid-dimostranti “tal-ġakketta s-safra.”

Kollox beda meta l-Gvern Franċiż ħabbar li kien se jżid it-taxxa fuq il-fjuwil bil-għan li aktar sewwieqa jagħżlu li jbiddlu l-vetturi tagħhom minn dawk li jaħdmu bil-fjuwil għal dawk li jaħdmu b’enerġija altenattiva li tagħmel inqas ħsara ambjentali.

Madanakollu, il-protesti spiċċaw inbiddlu għal dimostrazzjonjiet kbar u xi drabi vjolenti, kontra l-għoli tal-ħajja.

Il-mozzjoni ta’ sfiduċja tressqet minkejja miżuri li ħa l-Gvern Franċiż fl-aħħar jiem, fosthom iż-żieda fil-paga minima, it-tneħħija tat-taxxa fuq l-overtime u l-bonus tal-aħħar tas-sena.

Skont il-Kostituzzjoni Franċiża, meta tkun ippreżentata mozzjoni ta’ sfiduċja, din għandu jittieħed vot dwarha fi żmien 48 siegħa u hemm bżonn il-maġġoranza assoluta tal-voti fil-Parlament biex jaqa’ l-Gvern.

Il-Partit ta’ Macron waħdu għandu maġġoranza qawwija ta’ 577 siġġu u għalhekk il-voti tat-tliet partiti flimkien mhumiex biżżejjed biex iwaqqgħu l-Gvern.

More in Politika