Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Ingliż Theresa May, li aktar tard illum se tkun qed tiffaċja vot ta’ sfiduċja fil-partit tagħha, saħqet li Prim Ministru ġdid għar-Renju Unit ifisser li Brexit jew ikollu jistenna jew inkella jitwaqqaf.
Hija qalet dan quddiem 10 Downing Street fejn insistiet li se tikkontesta dan il-vot b’dak kollu li għandha waqt li insistiet li bidla fit-tmexxija tal-Gvern f’dan l-istadju, tista’ tfisser biss inċertezza f’dan iż-żmien kruċjali.
Spjegat li l-Prim Ministru ġdid se jkollu jwaqqaf jew inkella jestendi l-Artiklu 50, jiġifieri l-mekkaniżmu li se jwassal biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea fid-29 ta’ Marzu.
“Dan ifisser li Prim Ministru ġdid ikollu jipposponi jew inkella jwaqqaf il-Brexit,” spjegat May.
Dwar il-ftehim għall-Brexit, May qalet li kellha laqgħat mal-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel u anke mal-President tal-Kunsill tal-Ewropa Donald Tusk u mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker u saħqet "li kien hemm progress."
Kompliet tisħaq li kellha laqgħa oħra skedata għal-lum f'Berlin iżda kellha tipposponiha minħabba l-vot ta' sfiduċja.
Aktar qabel
Il-Prim Ministru Ingliż Theresa May se tkun qed tiffaċja vot ta’ sfiduċja fil-partit tagħha stess, liema vot se jittieħed aktar tard illum.
Il-vot ta’ sfiduċja se jittieħed wara li 48 Deputat mill-partit tagħha stess ippreżentaw ittra jisħqu li ma għandhomx fiduċja fit-tmexxija tagħha.
Fl-aħħar jiem, il-Prim Ministru May iffaċjat kritika qawwija minħabba l-ftehim li nnegozjat mal-Unjoni Ewropea dwar Brexit, tant li kellha tipposponi l-vot li kellu jittieħed ilbieraħ, hekk kif kien ċar li l-maġġoranza tal-Parlament Ingliż kien se jivvota kontra.
Il-vot tal-lum se jkun wieħed sigriet u mistenni jitħabbar tard illejla.
Jekk May titlef dan il-vot, il-Partit Konservattiv ikollu jeleġġi mexxej ieħor f’elezzjoni li May ma tkunx tista’ tikkontesta għaliha.
Minħabba l-fatt li l-Partit Konservattiv huwa l-akbar partit fil-Parlament Ingliż, min ikun il-mexxej tal-partit huwa mistenni wkoll li jkun Prim Ministru.
Iżda, jekk May titlef dan il-vot ta’ sfiduċja, hija mistennija li żżomm postha bħala Prim Ministru sakemm ikun elett il-mexxej il-ġdid, proċess li jista’ jieħu sitt ġimgħat.