'Minflok iħarreġ dentisti Maltin, il-Gvern se jimpjega dentisti barranin' - UĦM

Il-Unjin Ħaddiema Magħqudin akkużat lill-Gvern jinsab komdu jingaġġa dentisti barranin, għad-dettriment tal-pazjenti Maltin

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Unjin Ħaddiema Magħqudin saħqu li l-Gvern qed jinjora l-qagħda tad-dentisti fis-servizz pubbliku u minflok jingħataw l-attenzjoni qed jiġu injorati tant li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom sejrin mill-ħażin għall-agħar.

Kompliet tinsisti li għandha informazzjoni li minflok iħarreġ u jżid id-dentisti Maltin, il-Gvern qiegħed fil-proċess li jimpjega ħaddiema minn pajjiżi barranin.

"Dan mhux lok ta' tħassib għal dan il-Gvern, anzi jinsab komdu li jingaġġa professjonisti barranin, bil-kundizzjonijiet eżistenti, għad-dettriment tal-pazjenti Maltin, kompliet il-Unjin. "Dan għax il-pazjenti rikoverati fl-isptarijiet tal-Gvern qed isibuha diffiċli biex jikkomunikaw mad-dentisti barranin. Jidher ukoll li uħud mid-dentisti barranin lanqas biss jifhmu bl-Ingliż," kompliet tgħid il-Unjin.

Il-UĦM ilha xhur tinsisti li l-ftehim settorjali tad-dentisti jkun aġġornat hekk kif l-aħħar wieħed kien sar fl-1993 u għalhekk ma għadux jirrifletti r-realtajiet ġodda tal-lum.

Tul il-konferenza, il-unjin fakkret li fil-bidu ta' din is-sena bagħtet għadd ta' proposti lill-Gvern. Fis-sajf irċeviet kontroproposta iżda, skont il-unjin, din kienet tinvolvi tnaqqis fil-paga tad-dentisti u għalhekk kienet ordnat azzjonijiet industrijali li għadhom fis-seħħ sal-lum.

Sadanittant, il-lista tal-istennija qed tiżdied, kompliet tisħaq il-unjin.

"Barra minn hekk, il-qagħda tad-dentistrija fis-servizz pubbliku qed ikollha problemi fin-numru tad-dentisti Maltin. Mid-dentisti li qed jiggradwaw, 20% biss qed jinteressaw ruħhom biex jaħdmu fis-servizz pubbliku. Tant hu hekk li fl-aħħar snin, in-numru tad-dentisti Maltin naqas drastikament," kompliet il-Unjin.

Minkejja l-azzjonijiet industrijali, il-UĦM fakkret li l-operazzjonijiet dentali xorta qed isiru filwaqt li qed jiġi pprovdut servizz bażiku ta' emerġenza f'każijiet li jinvolvu trawma fis-snin, tnixxija ta' demm u nefħiet fil-wiċċ.

More in Politika