Aġġornata | May tissospendi l-vot kruċjali dwar il-ftehim għall-Brexit

Tammetti li jekk il-vot isir għada, il-maġġoranza tal-Parlament Ingliż se jivvota kontra b'maġġoranza kbira

Il-Prim Ministru Ingliż Theresa May ħabbret fil-Parlament Ingliż li l-vot ta' għada dwar il-ftehim għall-Brexit mhux se jkun qiegħed isir hekk kif huwa ċar li jekk il-Parlament jivvota, il-maġġoranza se tkun qed tivvota kontrih.

Fi stqarrija, Theresa May qalet li l-maġġoranza tal-Parlament Ingliż taqbel dwar il-biċċa l-kbira tal-punti f'dan il-ftehim iżda hemm punti oħra kruċjali, fosthom dawk dwar il-fruntiera tal-Irlanda ta' Fuq, li dwarhom ma hemmx qbil.

Insistiet li tibqa' temmen li dan il-ftehim huwa l-aqwa wieħed għall-Brexit u fil-jiem li ġejjin se tkun qed tiltaqa' ma' wħud mill-mexxejja tal-Unjoni Ewropea biex tiddiskuti t-tħassib li Deputati u ċittadini komuni għandhom fuq dan il-ftehim, bil-għan li tirritorna fil-Parlament b'assigurazzjonijiet.

Saħqet li l-maġġoranza tal-Parlament jirrispetta r-rieda tal-poplu li vvota biex jitlaq mill-Unjoni Ewropea u ħadd ma jrid li r-Renju Unit jitlaq mill-Unjoni Ewropea mingħajr ma jkun hemm ftehim.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Jeremy Corbyn baqa' jisħaq li dan il-ftehim huma ħażin għar-Renju Unit u li jekk May se tmur Brussell u tiġi lura bl-istess ftehim, aħjar twarrab.

"Qed tikber l-inċertezza, fost iċ-ċittadini u n-negozji. It-tort huwa kollu tal-Gvern. Il-Prim Ministru trid li tieħu l-aħħar ċans iżda jekk ma tistax iġġib ftehim aħjar għandha twarrab u tagħti spazju lil min jista'," saħaq Corbyn.

Intant, l-Ispeaker John Bercow talab lill-Gvern biex jagħti ċans lill-Parlament biex jivvota dwar jekk il-vot ta' għada għandux ikun ikkanċellat, anke għax din id-deċiżjoni ma niżlitx tajjeb ma' diversi Membri Parlamentari. Insista li lest jaċċetta din il-mozzjoni.

Il-ftehim dwar Brexit kien ikkonfermat mill-mexxejja tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea iżda jeħtieġ ukoll il-vot tal-Parlament Ingliż.

Skont dak ippjanat, ir-Renju Unit se jkun qed iħalli uffiċjalment l-Unjoni Ewropea fid-29 ta’ Marzu.

Intant, illum, il-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja ddeċidiet li r-Renju Unit jista’ jagħżel li jħassar il-Brexit mingħajr ma jkollu bżonn l-approvazzjoni tal-mexxejja l-oħra tal-pajjiżi membri.

More in Politika