App biex tirrapporta l-ħmieġ li ħalla ħaddieħor fit-toroq tagħna

Emren John Vella mill-Fondazzjoni għall-Iżvilupp ta’ Żoni Turistiċi jitkellem dwar il-ħidma fuq il-promenades, app biex tirrapporta ħmieġ li tara barra u l-ħidma fl-ibħra u t-toroq taż-żoni turistiċi...

Mhux l-ewwel darba li tkun miexi fil-kampanja jew fit-toroq tal-bliet u rħula tagħna u tibda tara sigaretti, laned mormijin, fliexken tal-plastik u naturalment xi munzell ħmieġ u fdalijiet tal-ikel biex min ikun għamel xi BBQ fil-post iħalli warajh mandra bħala memorja. Ħafna drabi din il-problema tispiċċa fuq xi waħda mid-diversi paġni ta’ Facebook ta’ xi lokalità bit-tama li tittieħed xi forma ta’ azzjoni.

Issa tista’ tmur fuq ras il-għajn u tirrapporta, mingħajr ma toqgħod ittella’ fuq facebook. Dan tista’ tagħmlu hekk kif issa hawn applikazzjoni (tad-Dipartiment tat-Tindif u l-Manutenzjoni) li jisimha ‘Clean and Upkeep’ u li permezz tagħha tista’ tibda tirrapporta ħmieġ li jitħalla fit-toroq u bajjiet tagħna minn nies irresponsabbli.

Jiġifieri jekk tara xi ħmieġ xi mkien tista’ tidħol f’din l-applikazzjoni u tagħżel bejn ‘upkeep’ (manutenzjoni) jew inkella ‘tindif’, tieħu ritratt u dan mill-ewwel jidħol fis-sistema. Ftit wara tirċievi notifika illi tgħidlek meta se jsir ix-xogħol ta’ tindif.

Din hija biss waħda mill-ħafna inizjattivi illi din il-gazzetta tkellmet dwarhom ma’ Emren John Vella, li jmexxi l-Fondazzjoni għall-Iżvilupp ta’ żoni Turistiċi (FTZD). Xogħol din il-fondazzjoni, fil-qosor, hija li f’dak li jirrigwarda manutenzjoni ġenerali, fejn ma jasalx il-Kunsill jew l-awtoritajiet, tidħol din il-Fondazzjoni.

Il-FTZD ilha li nħolqot erba’ snin, għalkemm Vella jgħid illi fl-aħħar snin u allura kemm ilu Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi din ingħatat ħafna iktar snien u poter u saret struttura ħafna iktar operational-friendly.

Filwaqt li fakkar illi din il-Fondazzjoni titratta biss żoni turistiċi qal illi tagħmel diversi proġetti biex tara illi jsir it-titjib neċessarju f’dawn iż-żoni. Semma kif bħalissa għaddej studju biex ikun deċiż kemm hu fattibbli li jinfetħu latrini pubbliċi f’dawn iż-żoni, liema latrini jkunu mmexxijin mill-privat. Dan huwa l-istudju li l-Partit Nazzjonalista qed jikkritika minħabba li qed issir mill-kumpanija Nexia BT, l-istess kumpanija mqabbda biex tiftaħ kumpaniji fil-Panama tal-Ministru Konrad Mizzi.

U allura nistaqsih, kif forsi qed tistaqsu intom; imma anke fil-latrini rridu ndaħħluh il-privat? Huwa jibda billi jinsisti illi x-xogħol tal-Fondazzjoni bl-ebda mod mhu qed jidħol f’dak tal-Kunsilli jew tad-Dipartiment tat-Tindif.

“Hemm lokalitajiet fejn dawn il-latrini jinsabu fi stat ħażin u aħna rridu naraw li ssir il-manutenzjoni adattata. Qed indaħħlu l-privat u qed naraw jekk jagħmilx sens u huwiex fattibbli li dawn jitmexxew minnu, kif diġà qed jiġri f’każ ta’ oħrajn fil-Belt Valletta.”

Huwa jinsisti li kull ħaġa li tagħmel il-Fondazzjoni dejjem tagħmilha b’kollaborazzjoni sħiħa u konsultazzjoni mal-istakeholders kollha.

“Aħna qatt ma naqbżu lill-Kunsilli, pereżempju darba kellna każ il-Qawra fejn triq ma kellhiex dawl. Residenti ċemplulna biex jagħmlu ilment, aħna tkellimna mal-Kunsill Lokali li qal illi ma kienx qed isib għajnuna u koperazzjoni mill-Enemalta.” Vella jgħid illi minn hemm ikkordinaw lagħqat huma u sar ix-xogħol li kellu, fosthom tad-dawl u xogħol ta’ manutenzjoni tat-triq.

Xogħol fuq bankijiet fiż-żona ta’ Wied il-Buni, Birżebbuġa
Xogħol fuq bankijiet fiż-żona ta’ Wied il-Buni, Birżebbuġa

Huwa jiċċara illi fejn jidħol tindif u żbarazzar, ir-responsabbilità mhux tal-Fondazzjoni imma tad-Dipartiment tat-tindif, għalkemm jekk ikun hemm bżonn l-għajnuna l-Fondazzjoni tagħti daqqa ta’ id u appoġġ. Huwa jsemmi kif is-sajf li għadda l-FTZD għamlet xi xogħol ta’ tindif fuq il-Promenade minn Spinola sal-Balluta hekk kif id-Dipartiment tat-Tindif ma setax ilaħħaq mal-ammont ta’ chewing gum u ħmieġ li kien qed jitħalla.

Huwa qal illi l-manutenzjoni tal-promenades diversi f’żoni turistiċi jaqgħu taħt ir-responsabbilità tal-fondazzjoni. Fost dawn hemm irranġar ta’ bankijiet u anke żebgħa, kif fil-fatt sar qabel l-aħħar staġun sajfi f’żoni bħax-Xemxija, bdil ta’ bozoz u manutenzjoni ta’ ġonna bħalma kien  qed isir fil-Qawra.  

Vella ta eżempju ieħor: riċentement kien miftuħ il-parkeġġ tal-karozzi f’Marsaxlokk. Sakemm ix-xogħol jingħata b’tender il-Fondazzjoni qed tieħu ħsieb li jkun imnaddaf, li jissaqqew is-siġar u aktar.

Jispjega kif fil-bajja ta’ San Ġorġ f’Paceville f’temp ta’ ġimgħa, il-fondazzjoni tellgħet mill-baħar żewġ tunnellati ta’ ħadid li kien fil-baħar, ftit minnu li kien ta’ periklu għall-għawwiema. Spjega wkoll kif kien sar eżerċizzju ta’ tindif fil-baħar fil-limiti tal-Fajtata (ħdejn ir-ramla taż-Żejtun) u minn hemmhekk inġabar ammont kbir ħafna ta’ ħmieġ, knaten u anke ġugarelli.

Vella kompla jgħid li l-Fondazzjoni taħdem ħafna mal-MTA fuq diversi proġetti żgħar li jagħmlu ħajjet iċ-ċittadin ftit aħjar, kif ġara f’St Peter’s Pool fejn saret rampa apposta għal dawk li jieħdu lit-turisti bid-dgħajsa.

Il-gazzetta tistaqsih: Imma allura l-bżonn tal-preżenza tagħkom mhux konferma li s-sistema falliet? Kellna bżonn inwaqqfu fondazzjoni biex isiru affarijiet meqjusin bħala bażiċi?

Huwa jiċċara illi l-bżonn tal-fondazzjoni huwa frott il-fatt li xi wħud mill-lokalitajiet f’pajjiżna jaraw żieda qawwija ħafna fil-popolazzjoni.

Vella jgħid ukoll li għalkemm il-maġġoranza tax-xogħol tal-fondazzjoni huwa fuq bażi infrastrutturali, hemm ukoll żewġ bords. Wieħed huwa dak li jitratta ż-żona ta’ San Pawl il-Baħar/Buġibba/il-Qawra/ix-Xemxija u ieħor li jieħu ħsieb iż-żona ta’ Paceville. Dawn jaħdmu mhux biss fuq it-toroq u l-manutenzjoni, imma jaħdmu wkoll fuq probemi u bżonnijiet taż-żoni.

Dak li jirrigwarda ż-żona ta’ Buġibba huwa mmexxi minn George Micallef u dak dwar Paceville minn Philip Fenech.

Emren John Vella ħeġġeġ lil dawk li jixtiequ jirrappurtaw xi nuqqas fil-lokalità tagħhom jew li jixtiequ jaraw aktar dwar ix-xogħol tal-Fondazzjoni, jagħtu titwila l-paġna ta’ Facebook tal-istess Fondazzjoni, bl-isem Foundation for Tourism Zone Development (FTZD).

Xogħol għaddej fuq il-promenade ta’ Tas-Sliema
Xogħol għaddej fuq il-promenade ta’ Tas-Sliema

More in Politika