Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

'Investigazzjoni indipendenti dwar il-qtil ta' Karin Grech, Raymond Caruana u Daphne'

Il-Partit Demokratiku b'mozzjoni biex titwaqqaf Kummissjoni li tinvestiga t-tliet assassinji

Yendrick Cioffi / 6 ta' Diċembru 2018 15:11
Il-Partit Demokratiku ressaq mozzjoni fil-Parlament bil-għan li titwaqqaf Kummissjoni li tinvestiga l-qtil ta’ Karin Grech, Raymond Caruana u Daphne Caruana Galizia.

L-għan ta’ din il-mozzjoni tal-Partit Demokratiku huwa li temenda dik li se tkun diskussa llum fil-Parlament u minflok tinfetaħ investigazzjoni indipendenti dwar il-qtil ta' Caruana Galizia biss, din l-istess investigazzjoni tkun tinkludi wkoll il-qtil ta' Karin Grech u Raymond Caruana.

Għal dan il-għan, il-PD qed jipproponi li titwaqqaf “kummissjoni verament independenti mill-politika, il-Gvern, il-Oppożizzjoni u l-Pulizija Maltija, liema kummissjoni għandha ġġib l-isem ta’ Kummissjoni Verità u Ġustizzja.

Il-mozzjoni tisħaq li din il-Kummissjoni għandha:
  • tinvestiga ċ-ċirkostanzi tal-assassinju ta’ Karen Grech, Raymond Caruana u Daphne Caruana Galizia; 

  • tiddetermina jekk l-awtoritajiet kinux jafu, jew kellhomx ikunu konxji ta’ riskju reali u immedjat għal ħajjet il-Professur Edwin Grech (missier Karin Grech) u familtu, Raymond Caruana u l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia,
  • teżamina jekk kienx hemm responsabiltà tal-istat (kemm jekk intenzjonata kif ukoll jekk b’negliġenza) li jevita dawn id-delitti u jipproteġi ħajjet il-vittmi;
  • tikkunsidra jekk id-drittijiet umani tal-vittmi ta’ dawn id-delitti u qrabathom ġewx miċħuda; u 

  • tagħmel rakkomandazzjonijiet għal miżuri sabiex issaħħaħ l-ambjent politiku Malti u l-libertà tal-espressjoni, inkluż il-protezzjoni ġurnalistika.


Il-Partit Demokratiku qed jipproponi li l-Parlament jaqbel li immedjatament jibdew il-preparamenti neċessarji biex titwaqqaf il-Kummissjoni, u jagħti l-permess li jitressaq abbozz ta’ liġi b’mod urġenti sabiex isiru l-emendi neċessarji, fost oħrajn.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook