Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

'Is-sistema l-ġdida tal-għadd tal-voti tista' tiġi mbagħbsa'

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista jisħaq li l-Partit Nazzjonalista għandu dubji sejri dwar is-sistema elettronika tal-għadd tal-voti.

Yendrick Cioffi / 3 ta' Diċembru 2018 16:10
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli, indirizza konferenza tal-aħbarijiet li matulha saħaq li l-Partit Nazzjonalista għandu dubji serji dwar is-sistema elettronika tal-għadd tal-voti li se tibda tintuża minn Mejju li ġej.

Puli, waqt li fakkar li l-Partit Nazzjonalista jaqbel ma' sistema elettronika għall-għadd tal-voti, insista li s-sistema kif ittestjata falliet, mhijiex aċċettabbli u jekk tibqa' kif inhi ma tistax tintuża fl-elezzjonijiet li ġejjin, anke għax fi kliemu tista' tagħti lok għax-xiri tal-voti.

Huwa rrefera għal rapporti fuq il-midja lokali dwar din is-sistema u kif wara l-ewwel test li sar ħmistax ilu fuq kampjun ta' eluf ta' voti, is-sistema ma aċċettatx, jiġifieri qiset bħala dubjużi, madwar 40% minnhom, liema voti kellhom jgħaddu għall-aġġudikazzjoni li ssir b'mod manwali.

Puli kompla jinsisti li agħar minn hekk kien hemm voti li kienu ovvji li kellhom jgħaddu għall-aġġudikazzjoni, għax kellhom ikunu meqjusa dubjużi, iżda li s-sistema aċċettathom.

Kompla jinsisti li kien hemm imbagħad voti mmarkati b'mod simili, li minnhom ġew meqjusa dubjużi u oħrajn ġew aċċetatti mis-sistema.

'Parti mill-iscanner kienet imbagħbsa'

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista kompla jgħid li meta ndunaw b'dawn in-nuqqasijiet, uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista staqsew x'ġara u skoprew li s-sistema tal-iscanning, il-parti ta' fejn jiġi skenjat, ġiet imbagħbsa mingħajr l-approvazzjoni, la tal-Partit Nazzjonalista u lanqas tal-Kummissjoni Elettorali.

"Din toħloq numru ta' perikli u tqajjem numru ta' mistoqsijiet," insista Puli. "Jekk parti mhux qed tinqara mill-iscanner, ifisser li jistgħu jsiru marki li ma jinqrawx u allura jista' jkun li l-vot iġi identifikabbli. Dan ifisser li hemm potenzjal li jkun hemm xiri ta' voti."

"Agħar minn hekk, is-sistema tista' tkun imbagħbsa matul il-proċess," saħaq Puli. 

Temm jisħaq li l-Partit Nazzjonalista jrid li l-proċess jirrifletti żgur ir-rieda tal-poplu.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook