Il-PD jappella lil Adrian Delia biex jaċċetta l-mozzjoni ta' sfiduċja f'Konrad Mizzi

Fi stqarrija, il-PD insista ma' Delia biex juri li verament jemmen f'dak li qed jgħid

Il-Kap tal-Partit Demokratiku appella lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia biex jaqbel li tkun diskussa l-mozzjoni mressaq mill-Partit Demokratiku stess kontra l-Ministru Konrad Mizzi.

Ilbieraħ, is-sit illum.com.mt, irrapporta kif il-mozzjoni ta’ sfiduċja f’Konrad Mizzi tiddependi mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista li tista’ tagħżel jew le li tressaq ‘il quddiem il-mozzjoni tal-Partit Demokratiku.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni, Robert Cutajar, qal lil dan is-sit li d-deċiżjoni dwar liema mozzjoni se tkun diskussa fis-6 ta’ Diċembru, il-ġurnata ddedikata għall-Oppożizzjoni fil-Parlament, se tkun qed tittieħed dalgħodu.

Kien għalhekk li fi stqarrija, Godfrey Farrugia appella lil Adrian Delia biex juri li verament jemmen f’dak li jgħid.

“Agħti ċans lil kull membru parlamentari jiddeċiedi jekk kollega tagħhom għandux jibqa' ministru wara dawn l-iskandli kollha,” insista Dr Farrugia.

Tenna wkoll il-pożizzjoni tal-PD li l-Prim Ministru jeħtieġ ineħħi lic-Chief of Staff tieghu Keith Schembri mill-kariga tiegħu għax fi kliemu, il-preżenza tieghu fil-qalba tal-gvern tirriskja timmina l-investigazzjoni kriminali 17 Black.

“Il-partit tagħna se jkompli jiġġieled kontra l-korruzzjoni, ġejja minn fejn ġejja. L-investigazzjoni 17 Black ghandha tingħata r-riżorsi kollha neċessarji u tkun ħielsa minn kull indħil, inkluż interferenza politika,” ittemm l-istqarrija.

More in Politika